Eluf ta' ambjentalisti jġibu fi tmiemha dimostrazzjoni f'waħda mill-akbar minjieri fil-Ġermanja

    Eluf ta’ ambjentalisti ġabu fi tmiemha protesta f’waħda mill-akbar minjieri għall-apert fil-Ġermanja wara li l-Pulizija ordnawlhom biex jitilqu minħabba l-periklu li kienu qed jesponu lilhom infushom għalih.

    Il-grupp ambjentali End of Story qal li “matul din tmiem din il-ġimgħa ktibna l-istorja. Il-moviment tagħna qatt ma kien daqstant diversifikat u determinat.”

    Il-minjiera ta’ Garzweiler ilha fil-mira ta’ protesti sa minn nhar il-Ġimgħa li għadda, meta 40,000 student talbu lill-Gvern Ġermaniż biex jieħu aktar azzjonijiet kontra l-bdil fil-klima. Id-dimostrazzjonijiet bdew sigħat wara li l-mexxejja Ewropej naqsu milli jilħqu ftehim biex l-Unjoni Ewropea ma tibqax tagħmel użu mill-karbonju sal-2050.

    Matul il-jum tal-bieraħ dimostranti mblokkaw l-binarji li jintużaw biex il-faħam jiġi trasportat qabel ma dimostranti oħrajn rnexxielhom jidħlu fil-minjiera.

    Il-minjiera ta’ Garzweiler ilha fil-mira ta’ protesti u dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar snin hekk kif l-operatur kien qed jippjana li jkabbar il-minjiera billi jestendiha f’foresta.