Imut wara li pprova jwettaq maġija ta’ Harry Houdini... kien jaf li jekk ma jirnexxilux kienet se tkun traġedja

    Illużjonista Indjan li kien qiegħed jipprova jwettaq illużjoni famuża ta’ Harry Houdini – dik li jintrabat, jaqbeż fi xmara u jipprova jinħall, ġie ċċertifikat mejjet. Huwa ttella' mix-xmara madwar kilometru bogħod minn fejn niżel.

    F’dan l-ispettaklu Chanchal Lahiri kien mistenni li jinħall mill-irbit tiegħu u jgħum lura lejn ix-xatt, iżda sfortunatament dan qatt ma deher iktar. Il-każ seħħ fix-xmara Hooghly li tinsab fil-Lvant tal-istat ta’ Bengal.

    L-ispettaturi li nġabru biex jarawh iwettaq din l-pres­tazzjoni informaw lill-pulizija li Lahiri ma deherx iktar u li huma bdew tfittxijiet għalih. Lahiri, li huwa magħruf ukoll bħala Mandrake, kien tniżżel fix-xmara minn fuq dgħajsa. Huwa kien marbut b’katina li kellha sitt katnazzi. Jarawh kien hemm numru ta’ persuni abbord żewġ dgħajjes u numru ta’ persuni oħrajn minn fuq ix-xatt. 

    Immedjatament il-pulizija u tim ta’ għaddasa bdew iwettqu tfittxijiet iżda sfortunatament l-illużjonista baqa’ ma nstabx. Ġurnalist minn midja lokali kien intervista lil Lahiri qabel wettaq din l-illużjoni. F’din l-intervista Lahiri kien mistoqsi għaliex jirriskja ħajtu għall-maġija, u Lahrini b’daħqa fuq wiċċu qal li “jekk nagħmilha tajjeb tkun maġija... jekk nagħmel żball tkun traġedja.” L-illużjonista qal ukoll li huwa ried jagħmel dan biex jerġa’ jqajjem l-interess fil-maġija u l-illużjoni.  Din ma kinitx l-ewwel darba li Lahiri wettaq illużjonijiet bħal dawn taħt l-ilma.