Illum mistenni jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari tal-PN

    Matul il-ġurnata tal-lum huwa mistenni jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fejn, minkejja li skont ġurnal lokali f’din il-laqgħa mhux se tiġi diskussa r-riżenja tal-Kap tal-PN Adrian Delia, żgur mhux forsi li din il-laqgħa tista’ titfa aktar pressjoni fuq il-Kap tal-PN u fuq il-futur inċert tal-istess Partit.

    Kien proprju ftit jiem ilu li l-Grupp Parlamentari ltaqa’ darbtejn u sessjoni minnhom damet sa madwar is-2a.m. Jidher li waqt din id-diskussjoni, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari sostnew li Delia għandu jassumi r-responsabbiltà u jekk jirriżenja dan se jkun ferm aħjar għall-partit. F’ġurnal lokali ġie rrapurtat li kienu biss tliet Membri Parlamentari li ma qablux mas-sejħa li Delia għandu jieħu r-responsabiltà wara t-telfiet li ġarrab il-partit. Rapporti jgħidu li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ħeġġeġ lil Delia biex jagħmel kif għamel hu u jassumi r-responsabbiltà tat-telfa.

    Wara din id-diskussjoni, Delia ingħata jumejn ċans biex jikkunsidra din it-talba iżda għall-kuntrarju ta’ kull nhar ta’ Ħadd fejn jindirizza lin-nies waqt xi attività fil-każin jew intervista fuq ir-radju, il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li ma jagħmel xejn minn dan.

    Il-Ħadd filgħodu d-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kiteb fuq Facebook li jekk mhux se jieqfu litteralment naħa tkisser lill-oħra, il-partit se jibqa’ jitkisser. Huwa żied jgħid li t-tesserati u Nazzjonalisti li jħobbu lill-PN qed jiddejqu ħafna jaraw din il-firda. Vassallo kiteb, “Ejja bla telf ta’ żmien niġu flimkien. L-avversarju tagħna mhux aħna infusna iżda l-ħażin li qed isir minn dan il-Gvern.”

    Huwa qal ukoll li n-nies qed iħarsu lejhom id-deputati u qed iżommuhom responsabbli ta’ dak kollu li għaddej minnu l-partit. “Il-partit ma jixraqlux hekk… ma jixirqilniex hekk.”

    Intant waqt li Delia kien qed iwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet mingħand opinjonisti differenti waqt programm televiżiv, huwa spjega l-passi li se jwettaq biex itejjeb is-sitwazzjoni tal-PN. Delia qal li ta’ kull ġimgħa se jkun qed jiltaqa’ mat-tesserati. Fil-fatt huwa beda bl-ewwel laqgħa tiegħu mat-tesserati tat-13-il distrett f’Għawdex u fiha saret talba biex kull min verament għandu għal qalbu l-PN għandu jaħdem flimkien biex il-partit jerġa’ jqum fuq saqajh. Ġurnal lokali rrapporta kif din il-laqgħa kellha attendenza tajba u għaliha, apparti t-tesserati tal-partit, kienu preżenti d-deputati Għawdxin, sindki u kunsilliera f’isem il-PN. Dawn il-laqgħat, fejn Delia jiltaqa’ mat-tesserati, mistennija jkomplu waqt il-perjodu tas-sajf.

    Waqt l-istess programm meta ġie mistoqsi jekk hux se jirriżenja jekk il-partit jerġa’ jgħaddi minn telfa elettorali oħra tliet snin oħra, Delia qal ‘iva’. Minkejja li uħud qalu li Delia deher bħala politiku kalm u raġonevoli, kien hemm min sostna li deher dgħajjef u qal li t-tfixkil li kellu meta nħatar bħala Kap kien evidenti mill-bidu.

    Meta l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet mistoqsija minn ġurnalist jekk Delia għandux jirriżenja jew le, hija għażlet taħrab mill-mistoqsija u wieġbet, “il-PN kien, għadu u se jibqa’ hawnhekk”.

    Fl-istqarrijiet tiegħu, Delia kien konsistenti u baqa’ jsostni li mhux se jitlaq qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.