Jintlaħaq ftehim bejn Steward Healthcare u l-MUMN dwar id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa

    Wara intervent mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, saret laqgħa bejn il-Ministeru għas-Saħħa, Steward Healthcare u l-MUMN  fejn intlaħaq qbil dwar il-futur tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa.

    Fil-laqgħa ġie diskuss pjan ta’ xogħol għal dan id-dipartiment u anke s-servizzi ġodda li se jkunu jistgħu jiġu offruti. Ix-xogħlijiet se jibdew matul dan is-sajf filwaqt li l-proġett mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ Ottubru.

    Il-Ministru Fearne irringrazzja lit-team ta’ Steward Health Care immexxi minn Dr Nadine Delicata tal-ħidma għaqlija biex fi żmien qasir tfassal dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni b’koperazzjoni sħiħa mal-impjegati u mal-imsieħba soċjali.

    Fost is-servizzi li se jiżdiedu se jkun hemm eżerċizzji għal persuni li jgħixu bil-parkinsons u b’multiple sclerosis kif ukoll sezzjonijiet ta’ taħriġ għal persuni li sofrew stroke u riabilitazzjoni wara operazzjonijiet ortopediċi, servizz immexxi minn fiżjoterapisti għal persuni dijabetiċi u gym għall-assessment u għat-trattament ta’ pazjenti bi problemi newroloġiċi fost għadd ta’ servizzi oħra.