Tobba favur li l-morning after pill tingħata fl-isptar

    Doctors for Choice jappellaw biex il-pillola tkun disponibbli f’każ ta’ stupru…

    Minkejja li l-morning after pill (MAP) ġiet approvat mill-awtoritajiet f’Malta madwar tliet snin ilu, fuq il-paġna ta’ Doctors for Choice, it-tobba esprimew it-tħassib tagħhom li din għadha mhix provduta mill-isptar Mater Dei f’każ ta’ stupru. It-tabiba Dr Natalie Psaila li tifforma parti mid-Doctors for Choice kkonfermat ma’ dan il-ġurnal li l-MAP għadha mhix provduta mill-ispizerija tal-isptar li tfisser li pazjenti ma jistgħux jingħataw din il-pillola. 

    Hija spjegat li bħalissa kulma qed jingħatalhom hu riċetta biex jixtruha u dan jista’ joħloq diversi problemi għal min ikollu bżonn. Dr Psaila qalet li jekk eżempju jinzerta jkun filgħaxija, il-maġġor parti tal-ispizeriji jkunu magħluqa u ġieli kien hemm każijiet fejn il-mara kellha bżonn tiddaħħal l-isptar għall-kura wara stupru u ma kellha lil ħadd min jista’ jixtrilha l-MAP minn barra.

    Dr Psaila spjegat li t-tobba qed iħossuhom iffrustrati li ma jistgħux jgħinu lill-pazjenti tagħhom aħjar. Mistoqsija jekk hemmx bżonn ta’ riċetta biex mara tingħata l-MAP, it-tabiba qalet li m’hemmx bżonn. Hija spjegat li biex wieħed jixtri l-MAP trid tkun mara u l-ispiżjar jista’ jistaqsi xi mistoqsijiet bħall-età u meta kien l-aħħar period.

    Dr Psaila qalet li minkejja li m’hemmx bżonn riċetta għal din il-pillola, dan qisu bħal meta tabib jagħmel riċetta għall-Panadols jew xi gel minkejja li ma jkunx hemm bżonn ta’ riċetta.

    It-tabiba qalet li din il-pillola tiswa bejn l-€20 u l-€40 skont id-ditta. Hija żiedet tgħid li jekk il-MAP tingħata b’xejn dejjem ikun aħjar speċjalment għal dawk li ma jifilħux jixtruha. “Jekk ma tkunx b’xejn tal-inqas għandha tkun disponibbli mill-ispiżerija tal-isptar anka bil-ħlas jekk hemm bżonn. Iktar ma tieħu l-MAP malajr iktar hemm ċans li tipproteġi kontra t-tqala. Kull siegħa tgħodd,” temmet tgħid it-tabiba.

    “F’Malta l-unika ċans biex tnaqqas ir-riskju ta’ tqala huwa l-MAP”

    Dr Matthew Drake, wieħed mill-ko-fundatur tad-Doctors for Choice, spjega li hawn idea żbaljata ħafna li mara li ġiet stuprata tista’ tiġi offruta l-proċedura ta’ raxkament biex tnaqqas il-possibiltà li ssib ruħha tqila. Ir-raxkament (Dilation and Curettage) hija proċedura li s-soltu ssir f’każijiet ta’ demm eċċessiv mill-parti tal-mara. Jista’ jsir ukoll f’każijiet meta parti mis-sekonda (placenta) tibqa’ fl-utru wara t-twelid jew anki biex titneħħa tip ta’ tumur li nsejħulha “molar pregnancy” minn ġol-ġuf.

    Dr Drake spjega li l-idea żbaljata mal-argument ta’ stupru għax jekk ikun hemm l-iċken suspett li l-mara kellha x’taqsam mill-aħħar period sa dakinhar tal-proċedura, din ma ssirx. Huwa qal li r-raġuni hija li, jekk kien hemm attività sesswali f'dan iż-żmien, ma tistax toqgħod fuq test tat-tqala, anke jekk dan ikun negattiv, peress li fl-istadji bikrin tat-tqala, ma hemmx biżżejjed mill-kimika "Human chorionic gonadotropin" (HCG) tiċċirkula fil-mara biex it-test tat-tqala jindikalna b'mod pożittiv.

    “F’Malta l-unika ċans li għandha mara li ġiet stuprata biex tnaqqas ir-riskju ta' tqala huwa li tixtri l-"Morning After Pill" (MAP) minn butha stess, u tużaha mill-aktar fis. L-MAP taħdem billi twaqqaf l-ovulazzjoni, għalhekk jekk l-istupru jsir wara l-ovulazzjoni, il-pillola ma taħdimx,” qal Dr Drake.