L-MDA tgħid li jeħtieġ li jsir xi ħaġa urġentement

    “Jidher ovvju li qed jitwettaq xogħol ta’ skavar f’siti ta’ kostruzzjoni mingħajr investigazzjonijiet bir-reqqa fuq is-sitwazzjoni strutturali ta’ ħitan li jmissu max-xogħolijiet proposti. L-istabbiltà strutturali tal-ħitan ma tistax tittieħed ‘for granted’.” Hekk qalet l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi b’reazzjoni għall-inċident li seħħ dalgħodu meta ċeda ħajt ta’ proprjetà li tagħmel parti minn blokka ta’ appartamenti. Biswit din il-blokka qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

    L-MDA taqbel mas-sejħa tal-pubbliku inġenerali li jeħtieġ li jsir xi ħaġa urġentement dwar din il-kwistjoni.

    L-MDA qalet li se tkun qed tappoġġja kull azzjoni li l-Gvern se jkun qed jieħu fir-rigward ta’ xogħol ta’ tħaffir biswit bijiet eżistenti bil-għan li jissalvagwardja s-sigurtà tal-pubbliku.

    L-awtorità kompliet tgħid li l-awtoritajiet għandhom jappuntaw kumitat li jfassal regolamenti għal sitwazzjonijiet ta’ żvilupp simili.