L-Under 19 ta’ Malta fi training camp fl-Awstrija

    L-iskwadra nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena se tmur l-Awstrija biex tieħu sehem fi training camp ta’ sitt ijiem kif ukoll tilgħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija.

    Il-coach nazzjonali Winston Muscat, li huwa assistit minn Stefano Grima, għażel skwadra ta’ 20 player għal dan it-training camp li huwa wkoll parti mill-preparamenti li t-team qed jagħmel qabel il-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew fejn se jilagħbu kontra l-Italja, is-Slovakkja u Ċipru, f’Novembru li ġej.

    Muscat għandu taħlita ta’ players li diġá ħadu sehem fil-mini-tournament tal-UEFA li ntlagħab fis-Centenary Stadium f’Novembru li għadda fejn dan it-tim żagħżugħ spiċċa fit-tielet post tal-klassifika b’erba’ punti. Magħhom hemm ukoll xi players ġodda li ġew promossi mit-team ta’ taħt is-17-il sena.

    Fil-kummenti tiegħu,  Muscat qal li l-iskwadra ilha titħarreġ għal dawn l-aħħar tliet xhur u eżatt kif spiċċa l-kampjonat tal-Youths beda jaħsiblu billi ġabar skwadra ta’ 30 player. Hu lmenta mill-fatt li kien hemm xi players li weġġgħu speċjalment wara staġun twil li kellhom.

    Min-naħa l-oħra dawk kollha involuti evalwaw il-kundizzjoni fiżika tal-players b’Muscat li enfasizza wkoll fuq it-teknika speċjalment issa li Novembru riesaq ġmielu.

    Fl-aħħarnett Muscat temm jgħid li dan it-training camp ser iservi sabiex il-grupp jingħaqad aktar flimkien u jgħinhom ħafna psikoloġikament.

    Malta ser tilgħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra FC Tirol u Jenbach li għandhom jagħtu stampa ċara lill-coach nazzjonali f’liema livell wasal it-team.

    Din hija l-iskwadra mgħajta mill-coach nazzjonali:

    Goalkeepers: Amara Sylla (Birkirkara); Matthias Debono (Hamrun S.).

    Difensuri: Sheldon Mizzi (Pietà H.); Andreas Vella (Hibernians); Ismael Borg (Lija A.); Glenn Attard (Birkirkara); Owen Spiteri (San Gwann); Liam McKay (Pietà H.); Christian Gauci (San Gwann); Shaun Dimech (Valletta).

    Midfielders: Carlo Zammit Lonardelli (Bir­kirkara); Bradley Sciberras (Floriana); Matthew Portelli (Hibernians); Russell Vella (Ħamrun Spartans); Jake Engerer (Cesena SC); Jake Ghio (Pietà H.)

    Attakkanti:Paul Mbong (Birkirkara); Alexander Satariano (St Andrews); Mattia Veselji (St Andrews); Ryan Tonna (Valletta)