Il-ħaddiema tal-International Identity Solution ta’ DeLaRue se jibqgħu jgawdu l-istess kundizzjonijiet ma’ HID Global

    Wara laqgħa li saret dalgħodu bejn il-General Workers’ Union u l-management tal-kumpanija DeLaRue, fejn il-Union kienet infurmata dwar il-bejgħ tal-proċess ta’ International Identity Solutions lil HID Global, il-GWU  bħala l-uniku unjin rikonoxxuta fil-kumpanija kellha diversi laqgħat mal-ħaddiema involuti fejn spjegat li dan il-bejgħ huwa meqjus bħala trasferiment ta’ negozju u għaldaqstant huma se jibqgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet preżenti. 

    Matul il-jum tal-lum, il-GWU tkellmet mal-ħaddiema li huma impjegati fuq il-proċess ta’ produzzjoni tal-International Identity Solutions fejn wara li spjegat dak li se jseħħ u x’inhuma l-proċeduri f’każi bħal dawn, assikurathom li skont il-provvedimenti fil-liġi tax-xogħol ta’ pajjiżna, il-ftehim milħuq bejn DeLaRue u HID Global, jiggarantixxi li huma ma jitilfu xejn minn dak li qed igawdu llum. 

    Min-naħa tagħha l-GWU, li tirrappreżenta lill-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema fis-sezzjoni li ġiet trasferità lill-HID Global u bil-liġi tat-trasferiment ta’ negozju hija awtomatikament rikonoxxuta fil-kumpanija l-ġdida, qed tħares ’il quddiem biex fil-jiem li ġejjin ikollha laqgħat mal-management ta’ din il-kumpanija bil-għan li tistabbilixxi u jissaħħu r-relazzjonijiet industrijali bejn iż-żewġ naħat. Il-Union hija wkoll sodisfatta li l-kumpanija HID Global, li timpjega madwar 48,000 ħaddiema f’diversi operazzjonijiet madwar id-dinja, qed tħares li tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha f’pajjiżna.