Sospiżi l-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li ġew sospiżi l-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa. 

    Huwa ħabbar dan fuq Twitter filwaqt li żied jgħid li dawn id-direttivi ġew sospiżi wara taħdidiet li saru bejn Steward Healthcare u l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN).

    F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, il-Ministru Fearne nnota b’sodisfazzjon li ġew sospiżi l-azzjonijiet industrijali anke wara li intervjena hu stess biex seta’ jintlaħaq ftehim. 

    Huwa qalilna li, “wara li għal din l-aħħar sena, Steward għamlu investiment ta’ madwar €30 miljun fl-iskola medika ta’ Barts u fiċ-Ċentru tal-Anatomija f’Għawdex, issa anke wara diskussjonijiet mal-MUMN se jibda xogħol ta’ rinovar fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija.”

    “Dan ix-xogħol se jkun temporanju għax imbagħad aktar tard dis-sena se jibda xogħol fuq l-Isptar San Luqa kollu biex eventwalment jerġa’ jinfetaħ bħala Sptar.” 

    “Dan juri kif il-proġett li beda l-Gvern ma’ Steward Healthcare biex ikollna sptarijiet tal-ogħla livell f’Għawdex, f’St Luke’s u fl-Isptar Karin Grech bdew jagħtu l-frott tagħhom.”