Mara tammetti li serqet €60,000 lill-ġenituri

    Mara ta' 35 sena tpoġġiet taħt ordni ta' probation għal tliet snin wara li ammettiet li serqet madwar €60,000 lill-ġenituri tagħha.

    Joelle Galea ammettiet li fit-2 ta' Frar 2018 serqitilhom flus u għamlet użu minn informazzjoni fil-kompjuter b'detriment għalihom u li f'Diċembru 2017 serqitilhom ukoll 'cards' bankarji minn ġew id-dar f'Tas-Sliema.

    Hija ammettiet ukoll li fil-21 ta' Frar 2018 kellha fil-pussess tagħha r-raża tal-kannabis u l-ecstasy.

    Wara li semgħet lill-ġenituri jgħidu li kienu qed jirrinunzjaw għall-akkużi li setgħu jirrinunzjaw fil-konfront ta' binthom, il-Maġistrat Charmaine Galea għamlitilha ċara li kienet se tagħtiha ċans ieħor tkompli fit-triq it-tajba.

    Minbarra l-ordni ta' probation hija ikkundannat lil Galea tħallas multa ta' €1,000.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca u Lara Butters.