INAWGURATA H HOTEL F’PACEVILLE… investiment ta’ €40 miljun

    L-industrija tal-ospitalità Maltija tkompli tipprovdi bażi fertili għal Hugo’s Group hekk kif is-Sibt li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi inawguraw uffiċjalment H Hotel f’Paceville b’investiment ta’ €40 miljun. Din il-lukanda ssegwi l-Hugo’s Boutique Hotel li ġiet inawgurata tliet snin ilu. 

    L-imprenditur Hugo Chetcuti, li nqatel f’Lulju tas-sena li għaddiet, kien il-moħħ wara dawn iż-żewġ lukandi, bl-imperu tan-negozju tiegħu jiddomina s-settur tad-divertiment lokali u issa jinsab taħt it-tmexxija ta’ ibnu Luke.

    F’diskors tal-okkażjoni, iċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv ta’ Hugo’s Group Luke Chetcuti qal li, “xejriet emerġenti fis-sostenibbiltà, lussu, teknoloġija u innovazzjoni qed jinfluwenzaw id-direzzjoni futura tal-industrija tal-ospitalità u aħna identifikajna dawn l-għanijiet bħala t-triq ‘il quddiem għal Hugo’s Hotels u fl-aħħar mill-aħħar, Hugo’s Group b’mod ġenerali.”

    “H Hotel hija investiment ta’ €40 miljun, b’162 kamra lussuża li jgħaqqdu l-arti moderna u klassika ma’ teknoloġija avvanzata u innovazzjonijiet arkitettoniċi. Tnejn mill-kmamar tagħna għandhom indoor pool, li hija l-ewwel għal Malta.”

    Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

    Għal aktar informazzjoni dwar H Hotel tista’ ċċempel fuq 20132410 jew tibgħat imejl fuq receptionhh@hugoshotels.com.