Daqshekk nies fuq spallejn fil-każin ta' San Filep wara filmat kontroversjali

    L-Għaqda Każin Banda San Filep ta' Ħaż-Żebbuġ iddeċieda li ma jħallix aktar nies fuq l-ispallejn waqt il-festa tar-raħal.

    Huwa iddeċieda wkoll li jagħmel kontroll ikbr fuq il-mużika li tindaqq fil-każin fil-jiem tal-festa liema mużika trid tiġi approvata minn qabel.

    Il-każin ħa din id-deċiżjoni fl-isfond tal-kontroversja li nqalgħet bil-vidjow li fih id-deputata Marlene Farrugia tidher mgħollija fuq l-ispallejn waqt li numru ta' persuni jinstemgħu joffendu lill-PN.

    Dan urta bis-sħiħ lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli li ħadha kontriha u saħansitra iddeskriviha “lifgħa f'ħobbitna”.

    Il-każin qal li huwa jżomm 'il barra mill-politika tant li żewġ membri żgħażagħ tal-kumitat li kienu preżenti immedjatament waqqfu l-mużika li kienet qiegħda tiġi abbużata minn dawk li huwa iddeskriva “ftit nies irresponsabbli” ġo bar miftuħ għall-pubbliku.

    Farrugia għadha tinsisti li hija ma offenditx lill-PN u anke s-sieħeb tagħha Godfrey Farrugia qabeż għaliha.

    Hija rrimarkat li lil Puli taħfirlu anke jekk żbalja u saħqet li mhux il-mument li jkun tollerat aktar ġlied u intriċċi fi ħdan l-Oppożizzjoni.

    Madankollu kienu bosta dawk in-Nazzjonalisti li fuq il-profil tagħha tal-Facebook baqgħu jikkundannaw lil Farrugia għall-għemil tagħha fl-imsemmi każin.