''L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tinżamm fuq quddiem nett tal-ħidma tagħna''

    L-Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta Anġlu Farrugia semma kif il-ġimgħa li għaddiet fakkarna l-ġrajja tas-Sette Giugno 1919 u f’diskors li għamel tal-okkażjoni, enfasizza fuq il-bżonn ta’ rappreżentenza akbar ta’ nisa fil-Parlament. Qal li sfortunatament minn total ta’ 67 Membru Parlamentari, 10 biss huma nisa.

    L-Aġent President kompla billi qal li jilqa’ l-proposta li tirrakkomanda li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jwaqqaf Kummissjoni li tħejji qafas strateġiku li jiftaħ it-triq għal gender mainstreaming fil-Parlament.

    Qal li biex inkunu tassew effettivi, kull wieħed u waħda minna, rrispettivament mill-ġeneru, jeħtieġ li niżguraw li l-kwistjoni tas-sessi tinżamm fuq quddiem nett fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. “Huwa biss b’dan il-mod li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi,” temm jgħid l-Aġent President Farrugia.