Tlieta mixlija li sawtu anzjan f''hold-up'

    Tlitt irġiel baqa' miżmumin taħt arrest wara li kienu akkużati quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li wettqu 'hold-up' fuq anzjan ta' 66 sena mill-Mosta u weġġgħuh.

    It-tliet irġiel huma Gaetano Farrugia ta' 41 sena mill-Pieta li jaħdem ma' kumpanija tal-inġinerija, Roderick Zahra ta' 32 sena mill-Belt li xogħlu huwa uffiċjal tas-sigurta u Braden Grixti ta' 26 sena, ukoll mill-Belt, li m'għandux impjieg.

    Huma ġew mixlijin li fit-22 ta' Mejju li għadda ħabtu l-bieb ta' anzjan mill-Mosta taparsi kienu ħaddiema ta' kumpanija tat-telefon u meta fetħilhom daħlu fuqu, rabtuh u ippruvaw jisirqu anke jekk ma sabux flus.

    It-tliet irġiel wieġbu li mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom madankollu kellhom it-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit waqt li għalihom qed jidhru l-avukati Mario Mifsud, Franco Debono, Joseph Gatt u Manuel Mallia.