Is-Sindku Furjaniża tibqa' tinsisti kontra 'ferris wheel' mal-Fosos

    Davina Sammut Hili, is-Sindku tal-Furjana li fl-aħħar elezzjoni ġiet konfermata fil-kariga, għadha tinsisti kontra l-idea li ħdejn il-Fosos issir 'ferris wheel' għolja madwar 45 metru fejn il-pubbliku jkun jista' jitla' fuqha biex jara l-inħawi mill-għoli.

    L-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Awtorita tal-Ippjanar f'Marzu 2018 minn Anna Mangion bis-sit fejn qed tiġi proposta li ssir tinsab fil-parkeġġ li hemm bejn il-Fosos u l-pompla tal-fjuwil biswit il-parkeġġ il-kbir.

    Sammut Hili qaltilna li l-kunsill lokali Furjaniż kien diġa oġġezzjona meta l-aħbar ħarġet għall-ewwel darba u għalkemm saret reviżjoni tal-proġett, fejn ir-rota ġiet proposta li tersaq lejn it-triq, huma xorta jibqgħu kontriha.

    Hija qaltilna li diġa tkellmu mar-residenti fil-preżenza tal-istess applikant u lkoll jaqblu li l-inħawi tal-Fosos mhux il-post ideali fejn isir proġett ta' dan it-tip.

    Sammut Hili saħqet li l-kunsill lokali tal-Furjana se jagħmel dak kollu possibbli biex il-'ferris wheel' ma ssirx kif ippjanat u lesti jagħmlu protesta biex iwasslu l-vuċi tagħhom u tar-residenti.

    Is-Sindku tal-Furjana semmiet kif minbarra li l-proġett iwassal għal telf tal-parkeġġi fil-lokal meta diġa hemm problema mhux aċċettabbli li jsir quddiem post storiku bħall-Fosos.

    Hija żiedet li kemm-il darba jsir il-proġett jaffettwa l-'skyline' kemm tal-lokalita tagħhom kif ukoll tal-Belt u nsistiet li hemm postijiet oħra fejn jista' jsir.

    Anke l-għaqda Din l-Art Ħelwa ħarġet kontra din l-idea fejn saħqet li jekk jgħaddi l-proġett mhux biss itellef l-'skyline' tal-Belt u l-Furjana imma jkompli jnaqqas l-ispazju pubbliku nkluż dak bejn iż-żewġ lokalitajiet.

    Hija qed issostni wkoll li l-proġett se jċekken il-knisja tal-Furjana, il-Fosos u l-Ġnien tal-Mall li lkoll kemm huma skedati taħt Grad 1.

    Fost il-pajjiżi li għandhom 'ferris wheels' hemm l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Awstralja, il-Ġappun, l-Awstrija, l-Italja, Franza, ir-Renju Unit, Tajwan u Singapore.