Milan qed ifittxu direttur sportiv ġdid

    Bħalissa AC Milan jinsabu fit-tfittxija għal direttur sportiv ġdid. Dan iridu jagħmluh fl-iqsar żmien possibbli minħabba li f’inqas minn xahar ieħor jibda l-istaġun 2019-20 u hemm ħafna xogħol xi jsir. L-ogħla awtoritajiet tal-club immexxija mill-ex player Paolo Maldini għamlu proposta lid-direttur sportiv ta’ Lazio Igli Tare sabiex ikun parti mill-istaff tagħhom iżda dan irrifjuta b’mod ċar.

    Maldini ħaseb li Tare jista’ jgħin it-team fil-proġett il-ġdid tal-club. Hemm diversi diretturi sportivi oħra msemmija li jistgħu jimlew dan il-post vakanti fosthom Carlo Osti (Sampdoria), Giovanni Sartori (Atalanta), Frederic Massara (Roma) u Riccardo Bogon (Bologna) li kienu msemmija f’diversi siti sportivi Taljani.

    Barra mill-post vakanti ta’ direttur sportiv, Milan iridu wkoll jistennew ir-risposta ta’ Zvonimir Boban li huwa mistenni li jingħaqad mal-ogħla awtoritajiet tal-club. Boban bħalissa għandu rwol fi ħdan il-FIFA u qed jistenna wkoll ir-risposta tal-president Gianni Infantino sabiex ikun jista’ jinnegozja mar-Rossoneri.