Torino jaħdmu fuq id-dħul u l-ħruġ ta’ players

    Din ser tkun ġimgħa ferm impenjattiva għall-president ta’ Torino Urbano Cairo u sħabu meta ser ikunu qed jiddeterminaw jekk il-players li jinsabu interessati fihom jakkwistawhomx jew le u fl-istess ħin ikunu jistgħu jbiegħu xi elementi oħra li jinsabu fl-iskwadra.

    Fost kulħadd, il-Granata jixtiequ jerġgħu jġibu lura fis-serie A lill-ex player ta’ Juventus Roberto Pereyra li bħalissa jinsab fuq il-kotba ta’ Watford. Minkejja kollox is-somma sabiex jinxtara dan il-player hi rrappurtata li xejn m’hi rħisa. Hemm ukoll id-difensur Portugiż ta’ Napoli Mario Rui li qed jiġi segwit minn diversi clubs oħra Ewropej filwaqt li l-plejer ta’ talent mill-Kroazja Luka Bogdan jista’ jkun favorit li jingħaqad mal-istess Torino.

    Fl-istess ħin id-diriġenti ta’ Torino qed jaħdmu sabiex iġeddu l-perjodu ta’ self ta’ Ola Aina filwaqt li jisimgħu l-offerti li qed jagħmlulhom timijiet oħra għal Daniele Baselli u Simone Zaza.