AĠĠORNAT: [FILMAT] Marlene tiċħad li qalet kliem dispreġjattivi kontra l-PN … Tgħid li “Puli u l-klikka ta' DeliaPN huma nies maħmuġin”

    “Qatt f’ħajti m’offendejt lil ħadd, b’diskors mhux f’post.” Hekk saħqet id-Deputata tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia b’referenza għall-akkużi tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fil-konfront tagħha wara li ppubblika filmat tagħha fejn merfugħa minn folla tidher tgħajjat u tiċċelebra ma’ folla f’għajjat u tgħajjir kontra l-PN.

    Filwaqt li ċaħdet dan kollu, Farrugia saħqet li “jidher ċar li Puli u s-sangisugi li ħatfu lill-Partit Nazzjonalista fallewh f’kull sens.” 

    Hija rreferiet għal Puli u għan-nies li jappoġjaw lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia bħala “nies maħmuġin”, u qalet li filwqt li tistmerrhom ħafna ma tużax il-kliem li Puli uża fil-konfront tagħha biex itddeskrivihom.

    ARA WKOLL: Marlene Farrugia tiċċelebra ma' folla f'kant kontra l-PN … Clyde Puli: “Illum jiżfnu u jifirħu mar-ritmu tal-mibegħda kontrina”

     

    Reazzjoni mill-Għaqda Każin Banda San Filep

    Fi stqarrija preliminari ppubblikata fuq il-midja soċjali, il-Kumitat tal-Għaqda Każin Banda San Filep qal li beda investigazzjoni interna dwar il-każ li seħħ il-Ħadd li għadda fi tmiem il-marċ tal-festa titulari ta’ San Filep. Billi l-investigazzjoni għadha għaddejja, l-Kumitat llimita ruħu billi kkundanna għal kollox dak l-aġir u l-kliem użat.

    “Nassiguraw lil kulħadd li l-membri kollha u l-Kumitat jinsabu rrabjati għal min inqeda b’din l-okkażjoni għal skop tiegħu. Se jittieħdu l-passi meħtieġa hekk kif nikkonkludu l-investigazzjoni.”

    “Ta’ min isemmi li l-mużika ntfiet malli l-membri tal-Kumitat indunaw x’kien għaddej. Din hi l-ewwel darba li din il-mużika ntużat b’dan il-mod u ma stajniex nantiċipaw dan ir-riskju.”