Omm tirrealizza li ħallewlha lil binha bl-awtiżmu fl-ajruport tal-Greċja hekk kif tasal l-Ingilterra

    Omm ta’ tifel bl-awtiżmu qiegħda titlob il-flus għad-danni wara li t-tifel tagħha li kien marid tneħħa minn fuq it-titjira mingħajr ma ġiet informata.

    Nicola Purdy ta’ 48 sena minn Cardiff kienet sejra lura minn btala minn Kreta. Marret għal din il-btala mat-tliet uliedha wara li miet ir-raġel tagħha. 

    Iżda malli waslu fl-ajruport ta’ Heraklion, it-tifel tagħha Jack li għandu l-awtiżmu ħassu ma jiflaħx u beda jirremetti. Kien hawn li ttieħed minn tabib. 

    Meta l-omm kienet bilqiegħda fl-ajruplan, hi rat li t-tifel ma kienx fil-post tiegħu, iżda assumiet li kien qiegħed bilqiegħda f’xi siġġu aktar ‘il quddiem. Kien biss meta marret biex tiġbor il-bagalji li rrealizzat li l-basktijiet ta’ Jack kienu neqsin u ma setgħet issibu mkien. Fittxuh għal tliet sigħat flimkien mal-uffiċjali tas-sigurtà tal-ajruport, mal-Pulizija u mal-Konsulat Ingliż. 

    Kien hawn li skoprew li Jack ma kienx fuq l-ajruplan u kien maqbud fi Kreta bla passaport, mowbajl u mingħajr flus. 

    L-omm qalet li din kienet sitwazzjoni tal-biki għal binha li żgur ħaseb li abbandunatu. Eventwalment, it-tifel irritorna l-Ingliterra flimkien ma’ maniġer tal-kumpanija tal-ivvjaġġar.