Aġġornat: Raġel isofri ġrieħi gravi f'inċident f'kamra tan-nar

    17.23: Mill-ewwel informazzjoni li kiseb inewsmalta.com minn fuq il-post tal-inċident jirriżulta li seħħet splużjoni għall-ħabta tal-16.20 fil-kamra tan-nar 12th of May ta' Ħaż-Żebbuġ.

    Dak il-ħin fil-kamra tan-nar kien hemm żewġ ħaddiema Raymond Sultana ta' 57 minn Ta' Xbiex u Charlton Mifsud ta' 33 sena mill-Imsida. Jidher li dawn iż-żewġ ħaddiema kienu qegħdin iċċaqalqu xi materjal meta parti minn dan il-materjal sploda. B'riżultat ta' din l-isplużjoni, ir-raġel ta' 57 sofra ġrieħi gravi fil-parti ta' fuq ta' ġismu kemm f'sidru kif ukoll f'daharu. Huwa ttieħed l-isptar Mater Dei fejn bħalissa qiegħed jingħata l-kura fit-taqsima tal-kura intensiva. Ir-raġel ta' 33 sena sofra ħruq żgħir u bħalissa qiegħed jistenna l-ambulanza.

    Ftit tal-ħin ilu fuq il-post wasal ukoll il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia.

    Aktar kmieni: Ftit tal-ħin ilu seħħ inċident f'kamra tan-nar f'Ħaż-Żebbuġ. Mill-ewwel informazzjoni li għandna jidher li hemm żewġ persuni li jistgħu jkunu xi kemmxejn midruba. inewsmalta.com huwa infurmat li bħalissa fuq il-post hemm ambulanza li qed tagħti l-ewwel għajnuna fuq il-post.

    Ritratti: Ray Attard