L-ewwel mitt liċenzja għal operaturi fil-qasam tal-ħarsien soċjali

    Għall-ewwel darba fl-istorja tas-servizzi ta’ ħarsien soċjali, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tat l-ewwel sett ta’ liċenzji lil mitt aġenzija u organizzazzjoni li jipprovdu servizz ta’ kura lill-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà. Nhar it-Tlieta filgħaxija ġiet organizzata ċerimonja fejn ingħataw dawn il-liċenzji u nkitbet paġna ġdida f’dan il-qasam hekk importanti għal pajjiżna. 

    Kien il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Matthew Vella li beda biex jispjega li dawn il-liċenzji ngħataw wara proċess ta’ konsultazzjoni u saru sensiela ta’ żjarat matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena. Fil-fatt, hu sostna li saru mat-316-il żjara ta’ moniteraġġ f’dawn l-aġenziji u organizzazzjonijiet biex jiġi evalwat is-servizz li joffru. Spjega wkoll kif l-Awtorità, mhux biss qiegħda hemm biex tirregola, iżda wkoll biex toħloq djalogu u toffri l-appoġġ kollu lil dawn il-fornituri tas-servizzi ħalli joffri l-aqwa servizz ta’ kwalità. 

    Vella spjegalna li l-awtorità mhux biss tistabbilixxi l-istandards, tagħmel iż-żjarat u tagħti l-liċenzji. Fuq kollox, l-awtorità tiżgura li l-aktar persuni vulnerabbli jirċievu s-servizz li jixraqilhom u li jkollhom rashom mistrieħa li l-post u l-professjonist li jagħtihom is-servizz ikun regolat u mmoniterjat. B’hekk, ikun żgurat l-aqwa servizz possibbli. 

    Il-Kap Eżekuttiv tal-awtorità spjega li dan li għamlet l-awtorità diġà sar minn awtoritajiet oħrajn f’oqsma oħra bħas-servizzi finanzjarji u tal-gaming, li ilhom jagħtu l-liċenzji għal bosta snin. Spjega li dawn huma l-ewwel 100 liċenzja li qegħdin jingħataw, minn fost 250 organizzazzjoni li joperaw fis-settur. Qal ukoll li biex twettaq dan kollu f’erba’ xhur, saret ħidma kbira mill-ħaddiema tal-awtorità u kien hemm kollaborazzjoni kontinwa mal-fornituri tas-servizzi. 

    Matthew Vella stqarr li fil-bidu, meta kienu qalu lill-fornituri li se jagħmlu dawn iż-żjarat u jagħtuhom il-liċenzji, kollha bdew jinkwetaw. Madankollu spjega li bħala awtorità poġġew bilqiegħda magħhom, kellmuhom u serrħulhom rashom li kien se jibqa’ kulħadd fuq l-istess livell. 

    Finalment, Vella qal li f’inqas minn 11-il xahar l-awtorità rnexxielha tikteb żewġ paġni importanti fl-istorja. Wara li f’Novembru ġew imnedija l-ewwel sett ta’ standards li huma msaħħa bil-liġi, issa ngħataw dawn il-liċenzji li jserrħu moħħ in-nies li s-servizzi huma regolati u liċenzjati. Dawn mhux se jżidu l-burokrazija, iżda joffru aktar serjetà, kordinazzjoni u djalogu li jwassal għal servizz ta’ kwalità tajba. 

    “Żidna b’500% l-investiment fis-settur soċjali”

    Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon sostna li din l-awtorità nħolqot għal tliet għanijiet ewlenin. 

    Spjega li l-ewwel nett, din l-awtorità trid toffri pjattaforma fuq l-istess livell lil dawk kollha li joffru s-servizzi soċjali. Spjega kif illum il-ġurnata, permezz tal-istandards regolatorji, dawk li jipprovdu s-servizzi jafu eżatt x’inhu mistenni minnhom u b’dan il-mod anke qed jiġi żgurat li jintleħaq il-livell mixtieq. Barra minn hekk, dawn l-istandards huma mħarsin bil-liġi ħalli żgur ma jseħħux abbużi. 

    Barra minn hekk, il-Ministru qal li l-awtorità tiżgura li jkun qed jingħata servizz ta’ kwalità għolja. Saħaq li mhux aċċettabbli li fornitur li għamel investiment 20 sena ilu, sal-lum ma biddel xejn biex itejjeb is-servizz. 

    Spjega li min-naħa tiegħu l-Gvern tant jemmen f’dan is-settur, li żied bil-kbir l-investiment tiegħu. Qal li filwaqt li fl-2013 l-investiment kien ta’ €3 miljun, illum il-Gvern qed jinvesti €15-il miljun. Sostna li dan ifisser żieda ta’ 500% ta’ dak li kien jinvesti u dan juri kemm il-Gvern irid li dan is-settur ikollu bażi soda. 

    Fl-aħħar nett, il-Ministru Falzon spjega li ewro minn kull tlieta li jiġu minfuqa mill-Gvern jgħaddu minn dan il-Ministeru u fil-fatt qal li n-nefqa fis-settur soċjali hi terz tan-nefqa kollha tal-Gvern u din tammonta għal €1.8 biljun. Għalhekk, il-Ministru qal li hu bir-raġun li l-Gvern jistenna l-aqwa servizz possibbli għax huma l-flus tan-nies li qed jintefqu. Għaldaqsant, hu ħeġġeġ lil dawk kollha li jipprovdu servizz biex ikomplu jtejbu l-operat tagħhom. 

    “Nagħtu serħan il-moħħ lil dawn in-nies u lil qrabathom”

    Waqt din iċ-ċerimonja, tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis li stqarr li jħossu sodisfatt fit-twettiq ta’ din l-ewwel fażi ta’ liċenzjar. Spjega li mhux biss inħolqot awtorità li qiegħda sservi bħala one-stop shop fil-proviżjoni tas-servizzi soċjali, talli ġew anke mwettqa diversi inizjattivi minn għaqdiet non-governattivi u anke mill-privat biex jitjiebu s-servizzi għal dawn in-nies vulnerabbli fis-soċjetà. 

    Agius Decelis qal li dan il-Gvern jimpurtah mil-livell ta’ servizz mogħti, filwaqt li sostna li l-poplu jixraqlu li jieħu l-valur tal-flus li jkun nefaq. Saħaq ukoll fuq il-bżonn li dawn in-nies jiġu trattati b’dinjità u bil-ġieħ kollu li jistħoqqilhom biex b’hekk kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja għolja. 

    Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li hu importanti li l-qraba ta’ dawn il-persuni jkunu jafu li l-maħbubin tagħhom qegħdin jingħataw servizzi ta’ kwalità tajba ħalli jserrħu rashom. Għalhekk saħaq dwar l-importanza li jingħataw servizzi b’dinjità, fejn tiġi rispettata l-privatezza, ikun hemm l-għażla, tiġi osservata l-ugwaljanza u jingħata servizz mibni fuq l-individwalità ħalli b’hekk ikun sfruttat il-potenzjal tal-individwu. 

    Agius Decelis spjega li għal dawn in-nies ma jistax japplika l-one-size-fits-all u għalhekk is-servizzi jridu jkunu personalizzati. Biex dan iseħħ, min jipprovdi s-servizz irid ikun attrezzat ħalli jħalli impatt pożittiv fuq dawn in-nies. 

    Lil min ingħataw dawn il-liċenzji

    Dawn il-liċenzji ngħataw lil operaturi mill-istat, oħrajn tal-Knisja u diversi oħrajn ta’ għaqdiet non-governattivi jew tal-privat. Fost l-oħrajn, dawn kienu jinkludu l-Aġenzija Sapport, il-Caritas, CareMalta, l-Aġenzija Appoġġ, l-Inspire, l-OASI, il-Fondazzjoni St Jeanne Antide, il-Fondazzjoni RISE u Dar Frate Jacoba. 

    Magħhom kien hemm ukoll l-Adoption Legal Services, l-Adoption Opportunities, l-Aġenzija Tama, Apap Institute, il-Beyond Borders Adoption Agency, il-Bormla Home, is-Central Home, Dar il-Ħanin Sammaritan, Dar il-Madonna tal-Mellieħa, Dar Madre Margerita, Dar Pinto, Dar Sagra Familja, Dar San Pietru, Dar Sant’Anna, Dar Saura, id-Dar tal-Kleru, il-Floriana Home, il-Fondazzjoni Dar il-Hena, Jasmine Nursing Home, Karl Vella Foundation, il-Male Geriatric Ward, il-Mosta Home, l-Imsida Home, l-Imtarfa Home, il-Paulo Freire Institute, Pax et Bonum, Porziuncola House, Residenza San Guzepp, Roseville, Sant’ Anna Ward, is-Simblija Care Home, is-Sir Paul Boffa Long Term Care, St Catherine’s Home, St Dominic Home, St Elizabeth Home, St Joseph Home, St Mark’s, St Paul’s Home, Villa Messina, Villa San Lawrenz, Zammit Clapp Residential Home u ż-Żejtun Home. 

    “Sirna nafu eżattt x’mistenni minnha”

    Il-Maniġer ta’ CareMalta għas-Servizzi tal-Anzjani, Mario Debattista stqarr magħna li l-fatt li twaqqfet din l-awtorità iservihom bħala punt ta’ referenza biex ikunu jafu li d-disat idjar li joperaw issa huma regolati u jafu eżatt x’inhu mistenni minnhom li jagħtu lill-anzjani li jilqgħu fihom. Stqarr li hu importanti li kulħadd jimxi flimkien biex jagħti d-dinjità lir-residenti li jgħixu f’dawn id-djar. 

    “Dawn l-istandards qed jorganizzaw aktar lis-settur tad-diżabilità”

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija SAPPORT, Joe Cini qal li għall-ewwel darba bħala aġenzija qegħdin jaħdmu skont l-istandards li ġew stabbiliti mill-awtorità. Għaldaqstant, hu sostna li b’dan il-mod qed jingħata servizz ta’ kwalità ogħla, filwaqt li l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom qegħdin iserrħu rashom li qed jingħata servizz tal-ogħla kwalità. Barra minn hekk, Cini qal li qed ikun hemm aktar impenn biex jiġu integrati dawn il-persuni b’diżabilità fil-ħajja tal-komunità tagħna. Fl-istess waqt, l-aġenziji qegħdin jassiguraw li l-istaff tagħhom jara li jżomm mal-istandards imposti mill-awtorità. Joe Cini kompla jispjega li l-istandards qegħdin jorganizzaw aktar lis-settur tad-diżabilità. Sostna li filwaqt li bħala aġenzija s-SAPPORT kienet diġà timxi kif suppost, madankollu permezz ta’ dawn l-istandards tista’ tkun aktar iffokata li tagħti s-servizz li għandhom bżonn il-klijenti tagħhom. 

    “L-istandards jiggarantixxu li ma nintilfux mill-impenn tagħna”

    Fr Ray Scicluna, li hu wieħed mill-amministraturi ta’ Dar Frate Jacoba, sostna magħna li ħadmu bis-sħiħ biex jiksbu din il-liċenzja u biex jilħqu l-istandards meħtieġa. Semma kif minn qabel ma ħadmu biex jiksbu l-liċenzja, huma kienu diġà leħqu l-istandards għax dejjem ħarsu lejn min għadda minn din id-dar matul it-12-il sena li ilhom miftuħin u raw kif lil dawn in-nies dejjem tawhom id-dinjità li ħaqqhom. Scicluna qal li dawn l-istandards jiggarantixxu li bħala organizzazzjonin ma jintilfux mill-impenn tagħhom li jagħtu d-dinjità lil dawn in-nies. Qal li dan kollu għandu jibqa’ jżommhom fuq ix-xwiek biex dejjem jipprovdu s-servizz lil dawn in-nies b’dinjità.