50 tifel u tifla jinħelsu minn grupp onlajn ta’ pedofili

    Il-grupp ta’ pulizija internazzjonali Interpol qalet li llum arrestat lil disa’ persuni fit-Tajlandja, l-Awstralja u l-istati Uniti filwaqt li ħelset lil 50 tifel u tifla minn għaqda onlajn kriminali ta’ pedofili.

    L-Interpol qalet li wettqet aktar arresti b’rabta ma’ dan il-każ fi kważi 60 pajjiż differenti, bl-operazzjoni tinbeda sentejn ilu wara li bdew jinvestigaw sit ta’ pedofilija li kienu jagħmlu użu minnu mas-63,000 persuna minn madwar id-dinja.

    L-Interpol żiedet tgħid li grazzi għal din l-operazzjoni ġew salvati 50 tifel u tifla.

    L-ewwel arresti b’rabta ma’ dan is-sit ta’ pedofilija kienu saru fil-bidu tas-sena li għaddiet, meta l-amministratur ewlieni tas-sit – Montri Salangam – kien ġie arrestat fit-Tajlandja. Amministratur ieħor tas-sit – Ruecha Tokputza – kien ġie arrestat fl-Awstralja.

    Salangam, li fost il-vittmi tiegħu kien hemm saħansitra wieħed min-neputijiet tiegħu, f’Ġunju tas-sena li għaddiet intbagħat 146 sena ħabs. Tokputza ngħata sentenza ta’ 40 sena priġunerija, l-itwal sentenza li qatt ngħatat lil persuna li nstabet ħatja li wettqet pedofilija fl-Awstralja.