Bankina fil-Belt Valletta tikber b’aktar mid-doppju, meta skont is-Sindku din kellha tikber biss ftit ċentimetri!

    Residenti fi Triq l-Ifran fil-Belt Valletta spiċċaw ibatu l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni biex bankina fl-istess triq, kantuniera ma’ Triq l-Ifran, tinqala’ u titkabbar anke jekk il-permessi li nħarġu ma kinux jippermettu dan.

    Inewsmalta tkellmet mal-kunsillier Laburista Ray Azzopardi, li qalilna li x-xogħol fir-rigward tat-tkabbir tal-bankina twaqqfu ħesrem mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif minkejja li x-xogħlijiet kellhom jaraw li l-bankina terġa’ ssir l-istess hekk kif kienet preċedentement, ittieħdet id-deċiżjoni li l-bankina tikber saħansitra b’madwar erba’ piedi.

    Azzopardi żied jgħidilna li l-kunsillieri ma kinux mgħarrfa b’din id-deċiżjoni tant li l-kunsillieri qatt ma raw il-pjanti tax-xogħlijiet. Meta mistoqsi dwar dawn ix-xogħlijiet, Azzopardi qalilna li s-Sindku Christian Micallef insista li l-bankina kienet se tkun qed tikber biss bi ftit ċentimetri u ma kien se jkun qed jintilef l-ebda spazju għal parkeġġ, meta r-ritratti tax-xogħlijiet li nbdew juru bl-aktar mod ċar li dan mhuwiex il-każ u kien se jintilef mill-inqas parkeġġ wieħed.

    Intant Inewsmalta tinsab informata li kienet ippreżentata applikazzjoni biex dawn ix-xogħlijiet jiġu sanzjonati. Madankollu l-applikazzjoni – DNO 611/19 – lanqas ma jidher li ntlaqgħet. Deċiżjoni li se tara x-xogħol fuq il-bankina jibqa’ wieqaf, b’din is-sitwazzjoni jkollha riperkussjonijiet evidenti fuq ir-residenti tat-triq.