Francesco Totti offrut l-irwol ta’ direttur tekniku

    Hekk kif din ser tkun l-aħħar ġimgħa ma’ Roma għall-player ta’ nofs il-ground Daniele de Rossi, hemm diversi kwistjonijiet li jridu jiġu ċċarati fi ħdan il-club mill-kapitali Taljana. Fost l-oħrajn il-president James Pallotta u sħabu jridu jiddeċiedu lil min ser jafdaw ir-riedni tat-team wara li Claudio Ranieri jispiċċa mit-tmexxija temporanja tal-club.

    Fl-istess ħin iridu jaraw il-pożizzjoni tal-ex captain Francesco Totti li matul dawn iż-żewġ staġuni kemm ilu li rtira kien qed jokkupa r-rwol ta’ diriġent. Jidher li Pallotta ser jagħti promozzjoni lil dan il-bandiera ta’ Roma billi jqiegħdu direttur tekniku fi ħdan il-club. Totti jidher sodisfatt b’din l-offerta u ż-żewġ partijiet mistennija jiltaqgħu fil-jiem li ġejjin.