FILMAT: Kampanja ta’ għarfien dwar l-Inflammatory Bowel Disease

    Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar l-Inflammatory Bowel Disease (IBD), l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Crohn’s u l-Colitis (MACC) qiegħda tqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni medika, filwaqt li tieħu ħsieb li l-interessi tal-pazjenti li għandhom din il-kundizzjoni jiġu salvagwardjati. 

    Matul din il-ġimgħa, l-MACC organizzat il-laqgħa ġenerali annwali tagħha fejn permezz tal-kelliem Jason Copperstone ġew esplorati l-aspetti psikoloġiċi ta’ din il-marda. 

    Biex ixxerred iżjed l-għarfien dwar din il-kundizzjoni, l-MACC nediet vidjo biex tinforma lill-pubbliku dwar din il-marda. L-Inflammatory bowel disease tinkludi l-Crohn’s Disease u l-Ulcerative Colitis. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jikkawżaw infjammazzjoni fis-sistema diġestiva. L-Ulcerative Colitis taffettwa l-parti ta’ ġewwa tal-intestin il-kbir, filwaqt li l-Crohn’s Disease taffettwa kwalunkwe parti tal-passaġġ diġestiv mill-ħalq sal-anus. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jiġu mmaniġġjati u bit-trattament adegwat, ħafna min-nies jistgħu jgħixu ħajjithom b’mod normali. 

    L-IBD taffettwa lil persuni differenti u b’modi differenti. L-ebda żewġ persuni li għandhom IBD mhuma l-istess. L-aktar sintomi komuni ta’ din il-marda huma uġigħ fl-istonku, għejja, diarrhoea, bugħawwieġ u telf ta’ piż. Tista’ wkoll tikkawża deni, anemija u għejja estrema. 

    Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kroniċi, bi żminijiet fejn is-sintomi jiggravaw, filwaqt li f’waqtiet oħra jkunu aħjar. Minkejja li dawn is-sintomi jistgħu jġegħlu lill-persuna li tħossha ma tiflaħx, ħafna drabi dawn is-sintomi jistgħu jiġu mmaniġġjati b’kura, medikazzjoni u ġieli anke kirurġija.