''Kburija ħafna li jiena Maltija''... Bosta jinġabru biex jilqgħu lil Michela fl-ajruport internazzjonali ta' Malta

    Għadd ta' persuni nġabru fl-ajruport internazzjonali ta' Malta sabiex jilqgħu lura fostna l-kantanta Michela Pace li lbieraħ irrapreżentatna fil-finali tal-Eurovision Song Contest.

    Fost persuni ta' etajiet li jvarjaw hemm persuni bil-fjuri f'idejhom u bnadar ta' Malta. Sa ftit minuti wara li tħabbar ir-riżultat, bosta kienu dawk li faħħru lil Michela għall-prestazzjoni tagħha u awgurawlha kull suċċess għall-futur.

    Fl-ewwel kummenti tagħha l-kantanta qalet li hija kburija ħafna li hi Maltija. Żiedet tgħid li din l-esperjenza għenitha ħafna biex tkompli bil-karriera mużikali tagħha. Il-kantanta qalet ukoll li se tkun qiegħda tiffoka fuq l-album mużikali tagħha li se jkun qiegħed jinħareġ fix-xhur li ġejjin.

    Il-kantanta Michela permezz tal-kanzunetta “Chameleon” spiċċat fis-16-il post wara li kisbet 75 punt permezz tal-voti tal-ġurija. Malta kisbet 20 punt oħrajn permezz tal-vot pubbliku, biex b'hekk it-total kien ta' 95 punt.