Genoa, l-iktar club antik Taljan, għall-bejgħ

    Genoa, li huma l-iktar club professjonali tal-football antik fl-Italja, se jitpoġġew għall-bejgħ, qal fi stqarrija l-club tas-Serie A.

    Imwaqqfa fl-1893, il-club ilu proprjetá ta’ Enrico Preziosi, li huwa l-kap tad-ditta tal-manifattura tal-ġugarelli, għal dawn l-aħħar 16-il sena.

    “Genoa Cricket u Football Club, iħabbru li ngħata mandat lil Assietta S.p.A, li hija ditta ta’ pariri finanzjarji li tispeċjalizza fil-finanzi korporattivi, bħala konsulent għall-bejgħ tal-kumpanija,” qalet l-istqarrija.

    L-aħbar ħarġet meta Genoa jinsabu punt u post fuq iż-żona tar-relegazzjoni tas-Serie A meta għat-tmiem fadal żewġ logħbiet oħra.

    Preziosi ħa l-club f’idejh fl-2003 meta kien fis-Serie B, u erba’ snin wara ġew promossi u minn dak in-nhar stabbilew posthom bħala club tal-ogħla diviżjoni.

    Madankollu, mhux kollox kien ward u żahar tant li f’dan iż-żmien impjega 14-il coach, uħud minnhom f’bosta okkażjonijiet.

    Huwa ilu jipprova jbiegħ il-club għal bosta snin fost riżultati negattivi li nstigaw protesti mill-partitarji.