Xufier ta' taxi Belti mixli bil-ħruq tal-Ark tal-San Publju

    Bjorn Grima tressaq il-Qorti mill-Pulizija b’rabta mal-ħruq tal-Ark ta’ San Publju tal-Furjana, li seħħ nhar is-27 ta’ April li għadda.

    Grima, xufier ta' taxi li għandu 33 sena, għall-ħabta tas-1.30 a.m. fi Triq San Tumas ta n-nar lill-istruttura ornamentali magħrufa bħala l-Ark.

    Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli mill-Ispettur saviour Baldacchino u Geoffrey Scicluna.

    L-Ispettur Baldacchino qal li waslu għall-identità tiegħu wara li eżaminaw madwar 50 filmat, u minnhom ġiet identifikata vettura. Huwa qal ukoll li kellmu lill-kumpaniji tat-telefonija ċellulari u permezz t’hekk irnexxilhom jidentifikaw lill-akkużat.

    Għall-akkużati dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, u Amadeus Cachia.

    Grima wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu, u ngħata l-ħelsien mill-arrest, taħt depożitu ta’ €7,000 b’garanzija personali ta’ €7,000 oħrajn u bil-kundizzjoni li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Belt bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m.