Big Friends Guggen Musik f’laqgħa mal-Prim Ministru

    Il-mużiċisti tal-Big Friends Guggen Musik ftit tal-jum ilu għamlu żjara ta’ korteżija lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fejn Saviour Spiteri, il-President tal-banda, ippreżenta lill-Prim Ministru ktieb tal-istorja ‘Guggen Tradition in Malta’ kif ukoll ritratt uffiċjali tal-programm mużikali li ttella’ f’għeluq l-10 anniversarju ta’ din il-banda.

    Saviour Spiteri spjega lill-Prim Ministru l-għanijiet tal-Għaqda li hi waħda unika u innovattiva. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda, Ian Debattista, spjega fil-qosor dwar xiex titratta l-pubblikazzjoni ‘Guggen Tradition in Malta’. F’din l-okkażjoni wkoll Kyle Spiteri ppreżenta DVD li ħarġet l-istess banda biex tfakkar l-10 anniversrju tal-Għaqda kif ukoll CD b’arranġamenti mużikali b’tema ta’ mużika Ewropea. Dawn setgħu jsiru bl-għajnuna ta’ l-iSmall Initiatives Support Scheme - ‘SIS’, u tal-Voluntary Organisation Project Scheme - ‘VOP’ mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat .

    Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru f’diskors li għamel faħħar l-inizjattiva ta’ din l-Għaqda u kellu wkoll kliem ta’ apprezzament għas-sehem tagħha biex titkabbar f’pajjiżna l-kultura mużikali.

    Preżenti għal din il-laqgħa kordjali kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat,  Clifton Grima.

    Il-Big Friends Guggen Musik bejn is-27 u d-29 ta’ April li għadda kellha suċċess kbir fil-Karnival tal-Fjuri ta’ Acireale fejn ippreżentat żewġ ‘guggen shows’ u għalqet l-istess wirjiet bl-Innu tal-Karnival. Il-Guggen Musik din is-sena pparteċipat b’suċċess għall-10 darba fil-Karnival ta’ Malta. Il-band daqqet f’diversi l-okkażjonijiet sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex

    Il-Big Friends Guggen Band is-sena li għaddiet iċċelebrat l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha bi programm li kien mifrux tul is-sena kollha u li ntemm fil-25 ta’ Novembru bi programm speċjali u bil-ftuħ uffiċjali taċ-ċentru mużikali tal-Għaqda fil-Floriana. 

     

    .