Barts tilqa' l-ewwel studenti f'Settembru

    Wasal fi stadju avvanzat ħafna x-xogħol fuq l-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, liema xogħol qed isir b’investiment ta’ €26 miljun, filwaqt li huwa mistenni li tilqa’ fiha l-ewwel studenti f’Settembru li ġej.

    Din l-binja state-of-the-art ta’ erba’ sulari, se jkun fiha auditorium, żewġ computer labs, lecture hall għal 125 student, librerija ta’ 250 metru kwadru u numru sinjifikanti ta’ simulation rooms, classrooms, board rooms u uffiċini fost oħrajn.

    Waqt żjara fuq is-sit, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li dan l-investiment se jkun qed isarraf f’faċilità ta’ livell dinji li hija konsistenti mal-etos ta’ Barts. “Ninsabu ħerqana li din il-binja tkun lesta fix-xhur li ġejjin,” qal il-Prim Ministru.

    Dr Muscat semma kif fl-2016, il-Gvern Malti wiegħed l-impenn sħiħ tiegħu lill-Queen Mary University of London biex tinbena skola medika state-of-the-art u ċentru tal-anatomija uniċi fil-Mediterran.

    Huwa qal li t-tim ta’ Steward Health Care, bl-appoġġ tal-inġiniera minn Enemalta u minn madwar il-Gvern u bil-fiduċja fil-Malta Enterprise, għenu biex din il-wegħda ssir realtà. “Ninsabu grati lejn ix-xogħol siewi tagħhom f’dan ir-rigward,” qal il-Prim Ministru.

    Huwa żied jgħid li f’sena u ftit biss sar xogħol kbir u rringrazzja lil Stuart Health Care International, il-maniġment u l-impjegati tagħha talli investew l-isforzi tagħhom f’dan il-proġett. 

    “Dan narawh bħala impenn kontinwu lejn il-pajjiż. Ninsabu kburin li qed nospitaw din l-istituzzjoni l-ġdida fuq il-gżejjer tagħna u b’mod partikolari f’Għawdex.” 

    Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Queen Mary University of London se tkun qegħda tespandi l-preżenza tagħha f’Malta u tidħol f’oqsma akkademiċi ġodda fil-livell ta’ Masters. Fl-istess waqt, huwa semma kif din l-università bdiet ukoll kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u flimkien qed tesplora l-opportunitajiet ta’ riċerka fl-istudji umanistiċi u x-xjenza.

    “Queen Mary qed taħdem ukoll id f’id mal-Ministeru tas-Saħħa, u hawn nirringrazzja lill-Ministru Chris Fearne għat-tmexxija kontinwa tiegħu fuq dan il-proġett, biex titfassal strateġija fit-tul li tintegra wkoll attivitajiet tax-xjenza tal-ħajja bi sħubija mal-ME,” temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.

    Fost dawk preżenti f’din iż-żjara kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. 

    Ritratti: Steward Health Care Malta