''Il-ħajja sabiħa. Qed niċċelebra t-tieni birthday tiegħi''

    “Dan huwa jum importanti ħafna għalija. Nista’ ngħid li qed niċċelebra t-tieni birthday tiegħi. Kburi li għadni ħaj u ninsab b’saħħti.”

    Dan kien il-messaġġ tas-surġent Simon Schembri hekk kif għaddiet sena mill-inċident li kien ħallih jissielet għal ħajtu. Il-Pulizija Simon Schembri kien involut f’allegat attentat ta’ qtil meta, Liam Debono, żagħżugħ ta’ 17-il sena saq għal fuqu. Debono ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

    F’kummenti li ta’ lil dan il-ġurnal huwa qal li jinsab kburi u li minn dak kollu li ġara qed jara l-pożittività. Huwa ħeġġeġ lil min għaddej minn xi diffikultà biex ma jaqtax qalbu għax “l-affarijiet jintesew u jgħaddu. Il-ħajja hija tassew sabiħa.”

    Mistoqsi dwar ir-ritorn lura lejn ix-xogħol, Schembri qal li din kienet wegħda li kien ta lill-Kummissarju biex meta jirkupra saħħtu jirritorna għall-ħidma u sostna li din kienet xi ħaġa li ma xtaqtx li jikser. Schembri qal li kienet tassew grazzja li reġa’ lura b’saħħtu u esprima gratitudni kbira lejn kull min għenu jirkupra.

    Ħabib ta’ Schembri fakkar kif kien eżatt sena ilu “meta rċievejt it-telefonata xokkanti, ġejt ħdejk u bqajt miegħek flimkien ma’ ħbieb oħra. Għal grazzja t’Alla għadek magħna u għamlet bida kbira fik, bidla li qed issarraf f’ġid għal ħaddiehor. Int eroj.”

    Bosta kienu dawk il-ħbieb, familjari u kollegi li fakkru din il-ġurnata u kellhom ħafna kliem pożittiv. Ħafna qalu li Schembri huwa tassew bniedem ta’ ispirazzjoni għal min għaddej minn mumenti diffiċli. “Il-15 ta’ Mejju 2018 hija ġurnata li ħa tibqa’ dejjem f’qalbna. Simon int bniedem tassew b’saħħtek, determinat u tassew ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.”

    Ftit tal-jiem ilu Schembri rritorna għax-xogħol fi ħdan l-istess Korp fejn qiegħed jgħin lis-CMRU, id-Dipartiment li jieħu ħsieb il-komunikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija inġenerali. Huwa qal li kien tassew ħerqan li reġa’ daħal lura x-xogħol.

    Fil-bidu ta’ din is-sena Schembri nħatar fil-kariga ta’ surġent. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia spjega li din il-kariga ngħatat lil Schembri minħabba l-ispirazzjoni u l-għaqda li rnexxielu jġib fil-Korp tal-Pulizija. Il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li l-ħidma li wettaq Schembri kienet ta’ ispirazzjoni kbira kemm għalih kif ukoll għall-Korp.

    Proprju ukoll ftit xhur ilu kienet ukoll organizzata attività mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi b’risq Simon Schembri Blue Light Foundation fejn inġabret is-somma ta’ €626.75. Din is-somma se tkun qed tintuża biex titwettaq il-ħoma li tinfetaħ Dar Simon Schembri. L-għan ta’ din id-dar hija li tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati u paramediċi li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

    Schembri kien ukoll ta’ ispirazzjoni biex il-gvern iħaffef il-miżura mħabbra fil-baġit u jdaħħal skema ta’ assigurazzjoni għall-uffiċjali tal-korpi dixxiplinati kollha.

    Is-sena l-oħra huwa kien ukoll fost dawk onorati bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.