Immultat €800 wara li għajjar Spettur ''kurnut''

    Christopher Scerri ta’ 40 sena residenti Ħaż-Żebbuġ kien immultat €800 wara li ammetta li f’awla tal-Qorti għajjar Pulizija “kurnut”.

    L-inċident kien seħħ fit-22 ta’ Lulju 2014 fl-awla tal-Maġistrat Josette Demicoli waqt li quddiema kienet qiegħda tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Alfons Ferriggi. Żewġt irġiel oħra, Joseph Zammit u Richard Grech, qed jiskontaw sentenza l-ħabs fuq dan il-każ.

    L-Ispettur Keith Arnaud kien qiegħed imexxi l-prosekuzzjoni fil-każ ta’ Scerri u James Vella mixlijin li fit-18 ta’ Settembru 2000 kienu kompliċi fil-qtil ta’ Alfons Ferriggi.

    Fl-awla dak il-ħin kien hemm ukoll żewġ ġurnalisti Raymond Abdilla minn Medialink u Daniel Mizzi minn MaltaToday li t-tnejn li huma semgħu l-kelma “kurnut” iżda qalu li ma kienux jafu minn qalha.

    Minbarra l-multa, il-Maġistrat Neville Camilleri rabtu b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena. Dan ifisseri li għal żmien sena Sherri ma jista’ bl-ebda mod idejjaq lill-imsemmi Spettur.

    L-Ispettur Daryl Borg mexxa l-prosekuzzjoni f’dan il-każ.

    Il-qtil ta' Alfons Ferriggi

    kien inqatel għall-ħabta tal-5.20 a.m fi Triq in-Naxxar San Ġwann b'tiri ta' senter. Huwa kien jaħdem bħala 'clearing driver' mal-Bank of Valletta.

    Ferriggi kien beda l-ġurnata tax-xogħol tiegħu fl-4.45 a.m fejn kien wasal fiċ-Ċentru Wignacourt tal-BOV f'Santa Venera fejn ħalla l-mutur tiegħu u ħa karozza tal-bank. Huwa mar fil-Head Office tal-Bank li dak iż-żmien kien jinsab fi triq il-Kbira Tas-Sliema minn fejn ġabar diversi basktijiet griżi u blu biex iqassamhom fil-banek li kellu assenjati fir-rotta tiegħu.

    Huwa kompla fi triqtu lejn il-Fergħa ta' San Ġwann fejn hemmhekk inqatel kiesaħ u biered.