''Ebda diskriminazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni''

    Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex tiġi ppubblikata l-inkjesta Egrant fl-intier tagħha.

    Dr Delia kien fetaħ il-kawża wara li f’Lulju li għadda kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-istess inkjesta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ngħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, llum Imħallef, kien iddikjara li huwa favur li l-inkjesta tiġi ppubblikata b’dan pero’ ma għandhomx jissemmew terzi persuni jew dettalji tagħhom.

    Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali nsista li l-inkjesta ma kellhiex tiġi ppubblikata biex tkun protetta l-identità kif ukoll l-informazzjoni sensittiva ta’ terzi persuni. Kien għal din ir-raġuni li ppubblika biss il-konklużjonijiet tal-inkjesta. 

    L-inkjesta Egrant kienet ikkonkludiet li ma nstabx li l-ishma tal-kumpanija Egrant kienu jappartjenu lill-Prim Ministru Joseph Muscat, martu Michelle jew lil membri tal-familja tagħhom.

    Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Robert G. Mangion irrefera għall-ilment ta’ Dr Delia li d-diskrezzjoni assoluta li jgawdi minnha l-Avukat Ġenerali tikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tiegħu. 

    “Fil-fehma tal-Qorti tali talba mhix fondata. Il-liġi per se ma hi qed tikser l-ebda dritt fundamentali tar-rikorrent (Delia) minħabba li ma qed toħloq l-ebda diskriminazzjoni bejn ħadd.” 

    Żied jingħad li, “anke li kieku l-Qorti kellha ssib illi Delia seħħlu li jipprova li ġie trattat b’mod differenti minħabba xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45 (3) tal-Kostituzzjoni, ma jistax jingħad illi fir-rigward tal-inkjesta Egrant il-pożizzjoni tiegħu hija simili għal din il-Prim Ministru.”

    “Kienet tkun sitwazzjoni diversa kieku f’dik l-inkjesta sew il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzji kienu l-mira tal-inkjesta maġisterjali u tal-ewwel ingħata kopja tal-proċess verbal u l-ieħor le.” 

    Fil-kawża, l-Avukat Ġenerali jikkontendi li ma setax iqis it-talba li għamillu l-Prim Ministru għall-kopja tal-proċess verbal tal-inkjesta Egrant bl-istess mod li qies it-talba li għamillu l-Kap tal-Oppożizzjoni għax iż-żewġ talbiet li sarulu ma kinux qed isiru taħt l-istess ċirkostanzi. 

    Il-Qorti qalet li, “huwa evidenti li s-sitwazzjoni tal-Prim Ministru fir-rigward tal-inkjesta Egrant hija abbundantement differenti minn dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa ammess minn Delia li kieku mhux għaliex l-AĠ għadda kopja tal-inkjesta lill-Prim Ministru, l-istess Delia ma kienx ikollu dritt jitlob kopja tal-inkjesta minħabba diskriminazzjoni.”

    Il-Qorti nnotat ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx il-mira tal-investigazzjoni Egrant. “Jirriżulta illi l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-ebda mod ma kien fil-pożizzjoni li kien il-Prim Ministru fir-rigward tar-rapport tal-inkjesta Egrant.”

    Wara li eżaminat il-provi mressqa quddiemha, il-Qorti ma sabitx li bid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali kien inkiser id-dritt fundamentali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u konsegwentement ċaħdet it-talbiet tiegħu.

    Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jkun qed jappella mis-sentenza u qal li se jkun qed jinsisti mal-Qorti tal-Appell biex tisma’ dan l-appell b’mod urġenti.

    Dr Delia qal li  “għandna l-obbligu li nibqgħu niġġieldu sal-aħħar sabiex din l-informazzjoni, li hi ta' importanza u ta' interess pubbliku, tkun disponibbli għall-Oppożizzjoni, għall-ġurnalisti u għall-pubbliku kollu biex ikun jista' jiddeċiedi hu dwar il-kontenut.”