Brescia promossi għas-Serie A

    Bir-rebħa li kisbu jumejn ilu fuq Ascoli bl-iskor ta’ 1-0, Brescia aċċertaw ruħhom li staġun ieħor jilagħbu mal-kbar. Fil-fatt it-tim immexxi minn Eugenio Corini kiseb din il-promozzjoni b’mod meritat wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat qabad konsistenza liema bħalha.

    Mhux ta’ b’xejn li jinsabu f’ras il-klassifika tas-Serie B meta kisbu 66 punt minn 34 logħba wara 18-il rebħa, 12-il draw u erba’ telfiet biss. L-attakkanti Alfredo Donnarumma u Ernesto Torregrassa kienu strumentali għal din il-promozzjoni meta skorjaw goals importanti għat-team tagħhom.

    Fil-fatt Donnarumma huwa l-aqwa skorer tas-Serie B meta sab ix-xibka xejn inqas minn 25 darba. Meta tkellem dwar din il-promozzjoni, il-coach Corini qal li dan il-kampjonat qatt m’hu faċli u kien grazzi għall-konsistenza li qabdu li waslu għaliha.

    L-għan tal-klabb hu issa li jispiċċaw champions ta’ din id-diviżjoni. Le Rondinelle, kif inhuma magħrufa, jinsabu jgawdu tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Lecce li wkoll jinsabu favoriti li jagħmluha għas-Serie A.