Ħarsa lejn il-Belt minn lenti oħra

    Min jiftakar lil Frank Camilleri, il-Bibi li kien wieħed mill-mużiċisti ewlenin li ħarġu minn Strada Stretta, jaf ukoll lit-tifel tiegħu, Joe. Joe beda jdoqq id-drums Strada Stretta meta kellu tnax-il sena. Jekk tistaqsi lil Joe jekk kienx aħjar mid-drummers stabbiliti ta’ dak iż-żmien, Joe jgħidlek:

    “Le, ma kontx aħjar minnhom. Però l-Amerikani kienu jiggustawni. U kienu jgħidu lil imgħallem: ‘Lil dak irridu jdoqq.’  Mal-Amerikani kont nagħmel drum solijiet. Indoqqilhom Skin Deep. Kienet popolari ħafna dak iż-żmien. Kienet qisha (id-diska) Wipeout. Daw’ kienu numbers tad-drums. Biex id-drummer juri l-ħiliet tiegħu. Kien ikun hemm melodija. Imma mbagħad jieqfu u jħalluha għad-drummer. U jien kont nagħmel xi nofs siegħa għaddej. Solo waħdi.” 

    Lil Joe Camilleri, il-Bibi tkun tista’ tisimgħu jirrakkonta dwar kif beda u stejjer oħra nhar it-Tnejn, 6 ta’ Mejju, fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Belt fis-7.30pm.  Jieħdu sehem ukoll Sergio Grech, George Cini, l-awtur tal-kotba dwar Strada Stretta, Vince Fabri u Vince Zammit, storiku u gwida waqt li Trevor Zahra u Ramona Depares jaqraw numru ta’ poeżiji.

    Is-serata mnedija minn Poeżijaplus se tiffoka fuq Valletta u hija miftuħa għal pubbliku. Id-dħul bla ħlas.