L-Ikla għall-Ġbir ta’ Fondi tal-MSA tgħin lil studenti tal-arti ta’ talent

    Il-fondi miġbura waqt l-ikla annwali rikka b’ħames korsijiet se jintużaw biex jingħataw boroż ta’ studju lil artisti żgħażagħ li jistħoqqilhom.

    Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju se ssir l-ikla annwali għall-ġbir ta’ fondi tal-Malta Society of Arts (MSA) favur studenti promettenti minn oqsma artistiċi varji. 

    Il-fondi kollha miġbura matul l-avveniment għal darb’oħra se jappoġġjaw il-Programm tal-Proġetti Speċjali, inizjattiva stabbilita mill-Kumitat tal-Malta Society of Arts li tagħti boroż ta’ studju lil studenti li juru talent fix-xogħol tal-arti jew artisti li għandhom bżonnijiet speċjali. 

    Bħala l-eqdem organizzazzjoni tal-arti f’Malta, l-MSA ilha tappoġġja l-arti u l-artisti lokali għal bosta snin, partikolarment permezz tal-Programm tal-Proġetti Speċjali, li tiegħu din se tkun it-tlettax-il edizzjoni. 

    “L-MSA hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u l-għan tagħna huwa li nippromovu l-arti u l-artiġjanat lokali,” spjega l-President tal-MSA l-Perit Adrian Mamo. “Matul is-snin, mijiet ta’ studenti gawdew mill-fondi li nġabru fl-okkażjoni ta’ dawn l-ikliet.”

    Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, l-ikla tal-2019 se terġa’ ssir fil-Grand Marquee ġewwa l-ġmiel ta’ Villa Arrigo fin-Naxxar, b’ħames korsijiet delizzjużi, kif ukoll aperitif ta’ merħba, canapes, u xarbiet u nbid bla waqfien, kollox inkluż. 

    Mużika live magħżula b’attenzjoni għall-okkażjoni ser iżżid mal-atmosfera tas-serata, filwaqt li se jkun hemm ukoll lotterija u possibilment xi kant mhux mistenni mill-President tal-MSA l-Perit Adrian Mamo nnifsu, li bil-prestazzjoni improvizzata tiegħu bil-vuċi u l-kitarra kien impressjona lil kull min attenda l-ikla tas-sena li għaddiet.

    Apparti l-ikel abbundanti u l-intratteniment favoluż, l-ikla hija wkoll avveniment annwali mistenni ħafna mill-patruni tal-arti, dawk li jappoġġjaw lill-artisti żgħażagħ, mill-ħbieb tal-MSA u minn dawk li jħobbu l-arti b’mod ġenerali, peress li din l-ikla tgħaqqad flimkien nies li għandhom komuni l-imħabba lejn il-forom tal-arti u x-xewqa li jgħinu artisti żgħażagħ fil-bżonn, kif qal il-maniġer tal-MSA Joe Scerri. “Din hija okkażjoni eċċellenti biex jingħaqdu flimkien il-ħbieb kollha tal-MSA, fosthom il-Kumitat, il-Membri, l-għalliema, l-istudenti, u dawk kollha li għandhom l-MSA għal qalbhom, biex flimkien niċċelebraw il-qawwa tal-arti.”

    L-ikla annwali għall-ġbir ta’ fondi tal-Malta Society of the Arts se ssir nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju 2019 fis-7.30pm fil-Grand Marquee ġewwa Villa Arrigo, in-Naxxar. Il-biljetti huma €39 kull persuna, li jinkludu ikla ta’ ħames korsijiet u x-xarbiet kollha. Il-biljetti jridu jiġu bbukkjati minn qabel. Għall-biljetti u għal aktar tagħrif iktbu fuq info@artsmalta.org, ċemplu fuq 2124 4339 jew 79244339, jew żuru www.artsmalta.org.