''Tilfu kollox għajr il-piġama li kellhom fuqhom''... appartamenti jiġġarrfu fi Gwardamanġa

    Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu mitlubin jintervjenu fi Gwardamangia wara li tard lbieraħ filgħaxija ġġarrfu xi appartamenti qrib sit ta’ kostruzzjoni.

    Inewsmalta tkellmet ma’ persuna viċin uħud mir-residenti li spjegatilna li għall-ħabta tal-10.45 p.m nstema’ ħoss kbir u deher xi trab. Minnufih bdew ħerġin l-ewwel residenti mill-appartamenti nfatti din il-persuna li tkellmet magħna qalitilna li z-zijiet tagħha kienu minn tal-ewwel li ħarġu u bdew jgħajjtu biex jinfurmaw lill-ġirien tagħhom sabiex iħallu dak li mill-ewwel deher li kien periklu għalihom. Madwar għaxar minuti wara li nstema' l-ħoss qawwi, ċedew l-appartamenti li fortunatament kienu laħqu ġew evakwati.

    “Morna fil-post u minflok l-appartamenti tas-soltu rajna borġ ġebel u persuni maħsudin b’ta’ fuqhom senduqhom. Tista’ tgħid li tilfu kollox barra l-piġama li kienu lebsin”.

    Immedjatament fil-post marru l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li sabu lir-residenti maħsudin b’dak li kienu raw. Minnufih bdiet ħidma biex jiġu evakwati residenti oħrajn li joqogħdu qrib il-binja li ġġarrfet bħala prekawzjoni.

    Jidher li minkejja ħsarat estensivi fil-bini, fortunatament ħadd ma ndarab f’din li setgħet kienet traġedja.