Boeing tgħid li ma tafx kif se tintlaqat mill-kriżi tal-ajruplani 737

    Boeing qalet li għadha ma tafx kif il-kriżi dwar is-sigurtà tal-ajruplani tat-tip 737 Max 8 se tkun qed tolqot il-profitti tagħha. Fl-aħħar riżultati tagħha l-kumpanija qalet li l-inċertezza dwar meta dawn l-ajruplani se jkunu jistgħu jittajru mill-ġdid wassalha biex ma tbassarx profitti għal din is-sena.

    Il-kriżi wasslet biex il-kumpanija tara tnaqqis ta’ madwar $1 biljun fid-dħul tagħha.

    F’Marzu, ajruplan tat-tip 737 Max 8 tal-linja tal-ajru Ethiopian airlines iġġarraf, bil-157 persuna abbord jitilfu ħajjithom.

    Dan kien it-tieni inċident li kien jinvolvi ajruplan Max f’ħames xhur. Dawn iż-żewġ inċidenti wasslu biex regolaturi tal-avjazzjoni jordnaw li l-ajruplani m’għandhomx jitħallew jittajru.

    Boeing qed tiżviluppa software ġdid għas-sistema anti-stall li nstab li kkawżat iż-żewġ inċidenti.