Il-Grupp MAPFRE jgħin fid-Dar Papa Frangisku

    Matul ix-xahar ta’ Marzu, għaxar impjegati mill-Grupp MAPFRE qattgħu ftit ħin jgħinu f’Dar Papa Franġisku, residenza li tipprovdi kenn temporanju lill-persuni li għaddejin minn xi kriżi u dawk li għal raġuni jew oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom, minħabba sitwazzjonijiet diffiċli.

    Dar Papa Franġisku hija mmexxija mill-Caritas, permezz ta’ sħubija mal-Gvern u il-Fundazzjoni Alfred Mizzi. Persuni li għaddejin minn perjodi diffiċli, li jħossuhom waħedhom u li m’għandhomx neċessitajiet basiċi jkunu referuti lejn din ir-residenza. Din id-dar hija miftuħa 24 siegħa kuljum, sebat ijem fil-ġimgħa, biex tipprovdi l-għajnuna għal dawk fil-bżonn. Id-dar tipprovdi ukoll ikla ta’ kuljum għar-residenti tagħha.

    Bħalisssa, din ir-residenza tipprovdi kenn lil għoxrin raġel u mara, li jorqdu hemm, waqt li tagħti ikla ta’ kuljum lil 36 residenti ta’ matul il-jum. Hemm għaxar full time carers li għandhom taħriġ adegwat biex b’hekk ikunu jistgħu jgħinu lil dawn l-individwi bl-aħjar mod possibli.

    Il-Grupp minn MAPFRE Malta għamel arranġamenti biex għal ġurnata minnhom, il-grupp tal-impjegati jippreparaw l-ikla ta’ kuljum u jqattgħu ftit żmien ma’ dawn ir-residenti. “Kienet esperjenza tassew memorrabli, li tgħinek tinduna kemm għadna għalfejn nkunu grati,” qalet Jessica Deguara, waħda mill-voluntiera f’din l-attivita.

    Il-Grupp MAPFRE għandu pjanijiet biex ikompli attivitajiet bħal dawn ma’ entitajiet diversi matul l-2019.