Cyrus Engerer jitfa’ n-nomina għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew

    Cyrus Engerer tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn wara nofsinhar.

    Engerer, li għandu 37 sena u li ħadem għall-aħħar ħames snin fi Brussell bħala r-Rappreżentant tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Istituzzjonijiet Ewropej saħaq li kif serva lill-pajjiż fl-aħħar snin, se jibqa’ jġib l-interess ta’ Malta qabel kollox fil-Parlament Ewropew, jekk il-poplu jtih il-fiduċja. 

    Cyrus Engerer irringrazzja lil Mikhail Baldacchino u Shaban Taher ta’ tmintax -il sena, u lil Colette Abdilla u Isaac Farrugia ta’ sbatax-il sena li nnominawh għal din l-elezzjoni. Erba’ żgħażagħ li se jkunu qed jivvotaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju.

    Engerer radd ħajr ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat li kien hu li talbu jikkontesta propju sena qabel id-data tal-elezzjoni. Dwar Cyrus il-Prim Ministru ddikjara li  “Dak li għamel Cyrus f’dawn l-aħħar snin kien xogħol delikat li jieħu ħafna impenn, u għamlu tajjeb immens. Jien għalhekk ridtu hemm mill-ewwel u ma ddispjaċieni xejn mill-għażla tiegħi. Inħares ‘il quddiem biex nara ismu fuq il-polza tal-vot u nħalli f’idejn in-nies biex jieħdu d-deċiżjonijiet li għandhom jieħdu.”