Ilħna Mitlufa fit-Teatru Astra, Għawdex

    Din ir-Rebbiegħa,  Ilħna Mitlufa Lost Voices  se titlaq minn Malta u tmur il-gżira ta’ Għawdex,  fit-Teatru maestuż  tal-Astra, Victoria, nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju. 

    Din il-produzzjoni li tnediet is-sena l-oħra hija parti mir-repertorju turistiku ta’ Teatru Malta għall-2019. Ilhna Mitlufa se tintwera għal serata waħda biss. Se tieħu lill-udjenzi fuq vjaġġ nostalġiku u melodiku lura fiż-żmien. Andrew Alamango, il-moħħ wara din il-magna taż-żmien, jispjega dwar dak li għandek tistenna li tara fuq il-palk din ir-Rebbiegħa. 

    X’inhi Ilħna Mitlufa?

    Ilħna Mitlufa hija produzzjoni teatrali fil-ġeneru msejjaħ “music-theatre” ibbażata fuq snin ta’ riċerka personali fit-tradizzjoni tal-għana. Mibnija fuq il-mużika u l-poeżija li sibt tul is-snin, kif ukoll il-konverżazzjonijiet li kelli ma’ membri tat-tradizzjoni tal-preżent u tal-passat. Hija ġabra ta’ rakkonti ta’ wirt ta’ din l-art li tħalliet minn dawk li ġew qabilna. Hija wkoll l-istorja tal-wirt ta’ tradizzjoni orali, tradizzjoni ta’ poezija u l-kelma fil-forma ta’ vers tat-tmienja li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra u li waslet għandna llum bħala l-espressjoni ewlenija tal-Maltin. Il-kelma mitkellma, miktuba, iddokumentata u rrekordjata fuq żigarelli tal-awdjo, diski, casettes u videos. Hija storja dwar il-bżonn li nużaw leħinna biex ngħidu dak li għandu bżonn jingħad, hekk kif qabel kien jintuża għal kull bżonn fil-ħajja ta’ kuljum. Ilħna Mitlufa hija storja fuq it-tfittxija tal-leħen li kellna meta kellna wkoll il-bżonn li ngħannu flimkien.

    Kemm ilek tiddokumenta din l-informazzjoni kollha dwar l-għana?

    Jien ilni f’dan il-qasam ta’ riċerka fl-għana dawn l-aħħar 18-il sena. Dak iż-żmien, mal-grupp Etnika kont bdejt infittex l-aħħar nies li kienu jafu jibnu u jdoqqu strumenti Maltin. L-interess fil-mużika tradizzjonali ta’ Malta fil-fatt bdiet bi tfittxija ta’ dokumentazzjoni u reġistrazzjonijiet antiki tal-għana u l-mużika popolari Maltija. Minn dak iż-żmien ’l hawn ħdimt ma’ riċerkaturi, studjużi, mużiċisti, poeti u għannejja bħalma kien il-maħbub Frans Baldacchino l-Budaj, Mikiel Cumbo l-Iżgej u oħrajn.

    X’messaææ tixtieq li tikkomunika lill-udjenzi permezz ta’ Ilhna Mitlufa? 

    Fl-aħħar mill-aħħar, qed nipprova niġġenera apprezzament tal-kultura u t-tradizzjoni tagħna stess għar-raġunijiet tagħna stess. Rikonoxximent tal-għannej, passat u preżent, u għar-rwol tiegħu fis-soċjetà. U bit-tama li n-nies ma jarmux it-tradizzjonijiet tagħhom stess, iżda jinvestigaw drawwiethom biex ikunu jafuhom u jtejbuhom. Għar-raġuni li niftakru minn fejn ġejna, riflessjoni tal-wirt tanġibbli jew intanġibbli tagħna u l-ħtieġa li nużaw il-vuċi tagħna fil-kant.  

    Għaliex taħseb li dan l-ispettaklu japplika għal udjenza multinazzjonali minkejja li huwa bil-Malti?

    Naħseb li l-essenza tal-messaġġ hija trażmessa permezz tal-esibizzjoni, permezz tad-drammaturġija u permezz tal-vuċijiet, l-istampi u r-reġistrazzjonijiet. Nemmen li l-biċċa l-kbira tan-nies jirrelataw mal-istorja b’xi mod jew ieħor, kemm jekk trabbew f’din il-kultura kif ukoll jekk le. L-istorja hija universali iżda tingħad fil-format tradizzjonali tal-kanzunetta u l-poeżija, għalhekk għandha appell għal ħafna fuq xi livell jew ieħor. L-idea hija wkoll li tiġi ppreżentata xi ħaġa li hija mużikalment valida u ta’ kwalità tajba għalkemm mhux neċessarjament fil-forma ta’ kunċert.

    Għal biljetti tal-5 euro u aktar tagħrif dwar Ilhna Mitlufa żur teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255. Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Magna Żmien.