Il-Guggen Musik tiftaħ il-Karnival tal-Fjuri f’Acireale

    L-10 sena ta’ parteċipazzjoni fil-karnival f’Malta u barra minn xtutna mill-Big Friends Guggen Musik ser jibqa’ mfakkar ġewwa Acireale fi Sqallija meta l-band għal darb’oħra tiftaħ il-Karnival tal-Fjuri. Il-Guggen Musik ser tirrapreżenta pajjiżna bejn is-27 u d-29 ta’ April.

    Il-Karnival tal-Fjuri ta’ Acireale hu meqjus bħala l-isbaħ wieħed li jiġu organizzati b’diversi karrijiet armati bi fjuri friski. Il-Big Friends Guggen Musik ser tippreżenta żewġ ‘guggen shows’ u ser tagħlaq ix-‘shows’  bl-Innu Karnival. Hi ser ddoqq ukoll mużika tradizzjonali Maltija, li tinkludi siltiet bħal ‘Ara ġej il-Karnival’.  

    Il-Big Friends Guggen Musik  din is-sena pparteċipat b’suċċess għall-10 darba fil-Karnival ta’ Malta. Il-band daqqet f’diversi l-okkażżjonijiet sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

    Għal din is-sena il-Guggen Musik daqqet b’erba’ uniformijiet differenti, bl-aħħar uniformi tkun l-aktar waħda impressjonanti. B’kollox ipparteċipat bi 30 arranġament mużikali li saru mis-surmast tal-band Etienne Spiteri u mill-assistent tiegħu Ian  Sammut 

    Il-Big Friends Guggen Band is-sena li għaddiet iċċelebrat l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha bi programm li kien mifrux tul is-sena kollha u li ntemm fil-25 ta’ Novembru bi programm speċjali u bil-ftuħ uffiċjali taċ-ċentru mużikali tal-Għaqda fil-Floriana.