Il-ħosba taħkem fi Brooklyn... Ordnat tilqim kontra l-ħosba fi New York

    Is-sindku ta’ New York, Bill de Blasio ddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika wara li f’partijiet ta’ Brooklyn feġġgħet tifqigħa tal-marda tal-ħosba. Huwa ordna lir-residenti kollha biex jieħdu t-tilqima kontra din il-marda bil-għan li tkun ikkontrollata t-tifqigħa li faqqgħet fil-komunità Lhudija ultra-Ortodossa.

    L-ordni saret lill-persuni li jgħixu u jaħdmu f’erba’ żoni b’kodiċi ta’ Williamsburg li jinsab fil-Majjistral ta’ Brooklyn fejn uħud mir-residenti huma kontra li jitlaqqmu minħabba twemmin reliġjuż. Dan minkejja li fl-ebda kitba jew awtoritajiet Lhudija ma jgħidu li dawn m’għandhomx jitlaqqmu.

    F’konferenza tal-aħbarijiet de Blasio qal li waslu f’punt li kellhom jittieħdu miżuri aktar drastiċi u konkreti minħabba li s-sitwazzjoni kienet wasslet għal stat ta’ emerġenza fl-inħawi.

    Huwa qal li jemmen li s-sitwazzjoni tista’ tkun riversibbli u li jistgħu jwaqqfu milli tinfirex aktar il-ħosba.

    Stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tas-Sindku qalet li, “taħt il-liġijiet il-ġodda, kull min għadu ma ħax jew ingħata l-vaċċin tal-MMR (measles-mumps-rubella) jew m’għandux prova li huwa immun għal dawn il-mard jista’ jeħel multa ta’ $1,000 (€888)”.

    Barra minnhekk l-iskejjel u ċ-ċentri tat-tfal li jilqgħu fihom membri tal-komunità Lhudija Ortodossa jistgħu jeħlu multi u anke jingħalqu jekk ikomplu jaċċettaw studenti li ma jkunux imlaqqma.

    Bħal stati Amerikani oħra, kollha barra tlieta nkluża Kalifornja, New York titlob li t-tfal li jidħlu fl-iskola jingħataw numru ta’ vaċċini kontra l-mard iżda s’issa kienet għadha teżenta lil dawk li jirrifjutaw it-tilqim minħabba raġunijiet mediċi jew twemmin reliġjuż.

    Ħames persuni f’kundizzjoni gravi

    Minn stħarriġ taċ-ċentri għall-kontroll u l-prevenzjoni tal-mard, il-belt ta’ New York minn Ottubru kellha total ta’ 285 każi ġodda ta’ ħosba. L-ebda każ ma rriżulta fatali però 21 pazjenti kellhom bżonn il-kura fl-isptar u ħamsa oħra spiċċaw fit-taqsima tal-kura intensiva.

    Fl-appell tiegħu de Blasio ħeġġeġ lil kull min għadu mhux imlaqqam bl-MMR, speċjalment fiż-żoni milquta, imur u jieħu l-vaċċin u b’hekk ikun hemm aktar protezzjoni għat-tfal, għall-familji kif ukoll għall-komunitajiet konċernati.

    Huwa qal li m’hemm ebda dubju li dawn il-vaċċini huma siguri, effettivi u li jsalvaw il-ħajjiet. Id-deputat sindku tas-servizzi tas-saħħa, Herminia Palacio kkonfermat dak li qal is-sindku fejn tidħol is-sigurtà tal-vaċċin tal-MMR.

    Palacio qalet li, “meta persuna tiddeċiedi li ma tlaqqamx lil uliedha, jekk jogħġobkom ifhmu li din il-persuna tkun qiegħda tieħu d-deċiżjoni anke għal dawk il-persuni li jkunu madwar uliedhom”.

    Marda li suppost inqerdet snin ilu, terġa’ tfeġġ…

    Minkejja li l-marda tal-ħosba kienet uffiċċjalment iddikjarata meqruda fl-Istati Uniti lura fis-sena 2000, total ta’ 465 każi kienu rrapporti f’19-il stat mill-1 ta’ Jannar sal-4 t’April li għadda. Dan jirriżulta bħala t-tieni l-akbar numru ta’ nies morda bil-ħosba fl-Istati Uniti mindu l-ħosba suppost kienet eliminata fis-sena 2000. L-ogħla ammont ta’ nies li kienu mardu bil-ħosba kien seħħ fl-2014 b’total ta’ 667 każ.

    Dawn il-każi ġodda ta’ marda infettiva ħafna, li suppost kienet inqerdet snin qabel, bdew iseħħu wara  li għadd ta’ persuni kontra l-vaċċini bdew jagħmlu kampanji kontra l-istess vaċċini. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li dawn il-movimenti li twieldu f’pajjiżi sinjuri saru theddida għas-saħħa globali.

    L-akbar numru ta’ każi li seħħu fi New York kienu ta’ persuni mhux imlaqqma jew ta’ oħrajn li ma ħadux it-tilqim kollu meħtieġ. Rockland County, li tinsab viċin il-belt ta’ New York dan l-aħħar ħabbret 30 jum ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika wara li seħħet tifqigħa tal-ħosba li fiha 168 persuna mardu biha.

    Skont l-awtoritajiet lokali minuri li ma kellhomx it-tilqim meħtieġ ma tħallewx imorru f’postijiet pubbliċi bil-għan li jkun evitat it-tixrid tal-ħosba. Huma ħabbru li bl-għarfien u l-miżuri meħuda issa mijiet ta’ nies marru biex jieħdu l-vaċċin ta’ kontra din il-marda.

    Il-fenomenu kontra t-tilqim infirex fost il-pajjiżi tal-Punent iżda sar partikolarment “moda tas-sinjuri” li kien instigat minn informazzjoni qarrieqa fuq il-mezzi soċjali. Ħafna minn dawk li huma kontra l-vaċċini emmnu stqarrijiet mediċi bla bażi li l-vaċċini jistgħu jikkawżaw l-awtiżmu u effetti oħra negattivi tas-saħħa.

    Esperti jinsistu li l-vaċċini huma siguri u meħtieġa biex tkun imħarsa s-saħħa tal-komunità kontra mard infettiv li jista’ jwassal għal sintomi serji bħal dijareja, pulmonite, telf tad-dawl tal-għajnejn u xi każi jistgħu jirriżultaw fatali.

    Allarm mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Żieda ta’ 300% f’każi tal-ħosba fl-ewwel tliet xhur tas-sena

    L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tinsab imħassba serjament wara li kien hemm żieda drastika fil-każi tal-marda tal-ħosba fid-dinja b’300% u dan fl-ewwel tliet xhur biss tal-2019. Dan in-numru żdied meta kkomparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel hekk kif l-impatt tal-istigma kontra l-vaċċini qed ikollu effetti ferm negattivi mad-dinja kollha.

    Il-ħosba hija marda li tittieħed ħafna u faċilment u din tista’ tkun evitata b’sempliċi vaċċin maqsum f’darbtejn iżda d-WHO kellha toħroġ allarm internazzjonali minħabba li kien hemm tnaqqis konsiderevoli milli jingħataw il-vaċċini ta’ prevenzjoni.

    S’issa jingħad li mill-bidu ta’ din is-sena 170 pajjiż irrapporta total ta’ 112,163 każi ta’ ħosba mentri s-sena l-oħra kienu 163 pajjiż milquta bi 28,124 każi.

    L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li ż-żieda fil-każi seħħu wkoll f’pajjiżi fejn għandhom rati għolja ta’ vaċċini, inkluż l-Istati Uniti. L-akbar żieda ta’ persuni li mardu bil-ħosba kkomparat mas-sena l-oħra seħħ fl-Afrika b’700% fejn hemm limitazzjonijiet fil-vaċċini ta’ kontra l-mard.