''Il-ġenituri serquli ħajti kollha, issa se nieħu ħajti lura''… Il-koppja tal-orrur tintbagħat għomorha l-ħabs

    David u Louise Turpin, il-ġenituri minn Kalifornja li kienu jsawwtu, iħallu bla ikel, u anke jżommu maqfulin lil 12 minn uliedhom fid-dar tagħhom fl-aħħar jiem intbagħtu għomorhom il-ħabs.

    Fi Frar li għadda l-koppja kienet wieġbet ħatja għall-14-il kap ta’ akkuża li tressqu fil-konfront tagħhom, fosthom ta’ tortura, abbuż ta’ tfal, li pperikolaw ħajjet uliedhom u li żammewhom maqfulin kontra r-rieda tagħhom.

    “Il-ġenituri serquli ħajti kollha, issa se nieħu ħajti lura,” qalet waħda mit-tfal bniet tal-koppja. “Il-ħajja kienet kiefra, iżda għamlitni b’saħħti. Rajt lil missieri jbiddel lil ommi, u huma kważi rnexxielhom ibiddlu lili. Jien ġellieda, b’saħħti.”

    Dettalji dwar l-abbużi li t-tfal kienu sottomessi għalihom ħarġu fil-beraħ f’Jannar tal-2018, wara li waħda mill-bniet – li dak iż-żmien kellha 17-il sena – irnexxielha taħrab mid-dar f’Perris u rnexxielha tikkuntattja lill-Pulizija.

    It-tifla kienet qalet lill-pulizija li ħutha kienet qed jinżammu maqfulin mill-ġenituri tagħha, u wħud minnhom kienu anke marbutin bi ktajjen.
    Meta l-awtoritajiet daħlu fid-daħlu, sabu lit-tfal – li kellhom bejn sentejn u 29 sena – f’ambjent mill-aktar deplerevoli.
    Uħud minnhom kienu marbutin mas-sodda tagħhom, u oħrajn mal-għamara fid-dar, u l-biċċa l-kbira tat-tfal qalu lill-pulizija li kienu “qed imutu bil-ġuħ”.

    Louise Turpin qrat stqarrija fil-Qorti li fiha talbet apoloġija lil uliedha;

    “Jiddispjaċini għal dak kollu li għamilt biex inweġġa’ lil uliedi, inħobbhom ħafna,” hija qalet. “Irridhom ikunu jafu li ommohom u missierhom se jkunu qed jinsabu tajbin.”

    David Turpin min-naħa tiegħu tant kien emozzjonat li kien l-avukat tiegħu li qara partijiet mill-istqarrija li kiteb.
    “Qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li nweġġa’ lil uliedi … Nittama li jkollhom l-isbaħ futur possibbli,” kienet tgħid dikjarazzjoni li nqrat mill-avukat.

    Il-Prosekuturi semgħu kif it-tfal tal-koppja kienu jingħataw ikel darba biss kuljum u kienu jitħallew jinħaslu darba fis-sena. Il-ġenituri tagħhom kienu jsajru torti u ma jħallux lit-tfal jikluhom, u jixtru ġugarelli u ma jagħtuhomx l-opportunità li jilagħbu bihom.

    It-tfal kienu jkunu kostretti jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom imsakkrin fid-dar, bil-ġirien tal-koppja jgħidu li minkejja li kienu konxji li l-koppja kellhom ħafna tfal, huma qatt ma kienu jafu kemm kellhom eżattament minħabba li t-tfal rarament kienu joħorġu barra.
    L-iżgħar wild tal-koppja, li b’kollox kienu jammontaw għal 13, jidher li kien l-uniku li qatt ma kien abbużat.