Jibdew ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid

    Bdew ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li se jkun jiswa €40 miljun, b’€33 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej. Huwa stmat li dan iċ-ċentru se jieħu tliet snin u nofs biex jitlesta.

    Waqt żjara li għamel fuq is-sit, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li dan il-proġett huwa ħolqa minn katina ta’ investiment li qed jagħmel il-Gvern fl-infrastruttura tal-kura primarja. Spjega kif filwaqt li l-kura fl-isptarijiet hi essenzjali, il-politika tal-Gvern tiffoka wkoll fuq l-investiment fil-kura primarja u l-kura fil-komunità.

    Huwa żied jgħid li dan iċ-ċentru se jkun ċentru attrezzat sew għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta u se jkun qed jissemma għall-pijunier tal-kura primarja tal-istat ġewwa pajjiżna - it-tabib Ċensu Moran - bit-triq li tagħti għalih tissemma għat-tabib Karl Chircop.

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa tenna kif f’dan iċ-ċentru se jkun offrut, fost oħrajn, servizz dentali komplut u anke servizzi b’rabta mal-kura tas-saħħa mentali.

    Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia spjega kif dan il-proġett qed jibbenefika minn fondi Ewropej mill-programm Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020. Huwa qal ukoll li l-fondi Ewropej qed imorru wkoll għal taħriġ u scholarships fil-qasam tas-saħħa.