''Se jkun hemm ħaġa waħda biss nieqsa mill-kampanja... il-mibegħda''

    Hekk kif għada l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti bidu għall-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li, “se jkun hemm ħaġa waħda biss nieqsa mill-kampanja, li se tkun il-mibegħda.”

    Dr Delia stqarr dan waqt kollegament telefoniku fuq NET FM. Huwa qal li dan se jkun vjaġġ ta’ ħames ġimgħat, fejn: “se nkunu qrib in-nies, l-anzjani u l-ħaddiema. Vjaġġ fejn se nkunu qrib iż-żgħażagħ u nisimgħu x’inhuma l-problemi tagħhom.”

    Dr Delia qal li wara li jaraw dawn il-problemi, mbagħad se jkunu qed jitkellmu fuq is-soluzzjonijiet u kif il-PN “għandu l-ideat, l-enerġija u r-rieda politika li jagħmel l-affarijiet aħjar.”

    Intant, il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar kif il-PN għażel li jkun ukoll qrib in-nies f’dawn l-aħħar jiem fejn qal li dar mal-2,200 negozju żgħir u ltaqa’ wkoll ma’ ħafna dilettanti tal-festi tal-Għid.