Id-Dwana b'qabda kbira oħra ta' kokaina … 144 kg kokaina maqbuda b'valur ta' kważi €16-il miljun

    Aktar minn 144 kilogramma ta’ kokaina b’valur ta’ ftit inqas minn €16-il miljun instabet f’kontejners fil-Port Ħieles. Din hija r-raba’ qabda kbira ta’ droga f’dawn l-aħħar ġimagħtejn.

    B’din l-aħħar qabda, id-Dwana qabdu aktar minn 350 kilogramma ta’ kokaina li kienet destinata għall-Ewropa u li għaddiet minn pajjiżna. Matul din is-sena diġà nqabdu aktar minn 750 kilogramma kokaina.

    L-uffiċjali tad-Dwana sabu l-droga f’refrigeration units fi tliet kontejners li kienu destinati għall-Albanija u l-Montenegro.

    It-tliet kontejners kienu ġejjin minn pajjiż mill-Amerika t’Isfel, u kienu mistennijin li jkunu ‘scanned’ mill-Unità tal-Moniteraġġ tal-Kontejners tad-Dwana.

    Tnejn mill-kontejners kienu destinati għal Durres fl-Albanija u kienu qed iġorru total ta’ 40 kilogramma ta’ kokaina li kienu jiżnu 48 kilogramma.

    It-tielet kontejner kien destinat għal Bar fil-Montenegro u kien qed iġorr 80 pakkett b’total ta’ 96 kilogramma kokaina.

    Il-valur totali tal-qabda kienet tammonta għal €15.7 miljun.