“Jum ieħor fl-uffiċċju” … Rangers fil-Congo b'selfie ma' żewġ gorilli b'pożi mill-aktar umani

    Żewġ rangers tal-Park Nazzjonali ta’ Virunga fil-Kongo, irnexxilhom jiġbdu selfies flimkien ma’ żewġ gorilli li għandhom pożi li javviċinaw ferm lil tal-umani.

    Wieħed mis-selfies juri liż-żewġ gorilli weqfin dritti fuq saqajhom iħarsu dritt lejn il-kamera, filwaqt li fit-tieni ritratt iż-żewġ gorilli jidħlu jippożaw flimkien mar-ranger Patrick Sadiki.

    Dan ir-ritratt, li kien ippubblikat fuq Facebook nhar il-Ħamis li għadda, irnexxilu jiġbor aktar minn 12,000 like u 14,000 share.

    Dan ir-ritratt kien intitolat “Jum ieħor fl-uffiċċju”, b’bosta persuni jikkummentaw dwar ix-xogħol siewi tar-rangers li jħarsu u jiddefendu lil dawn l-annimali.

    Skont is-sit tal-park, iż-żona ta’ Virunga kienet waħda miż-żoni li l-aktar li ntlaqtet fil-gwerra li kkaratterizzat lill-Kongo fiż-żewġ deċenji li għaddew. Is-sit żied jgħud li x-xogħol tar-rangers huwa kruċjali għas-sigurtà tal-annimali li jospita l-park.