Il-purċissjonijiet jiddominaw jum il-Ġimgħa l-Kbira

    Mijiet ta' Maltin u Għawdxin ħadu l-okkażjoni tal-Ġimgħa l-Kbira biex jattendu xi waħda mill-purċissjonijiet li jsiru f'diversi lokalitajiet.

    F'Malta l-purċissjonijiet isiru fir-Rabat, il-Belt, l-Isla, il-Birgu, Bormla, iż-Żejtun, Ħaż-Żebbuġ, in-Naxxar, Ħal Qormi, il-Għargħur, Ħal Luqa, Ħal Għaxaq, il-Mosta u Raħal Ġdid.

    F'Għawdex il-purċissjonijiet isiru fir-Rabat, kemm tal-Bażilika kif ukoll tal-Kattidral, in-Nadur, ix-Xagħra, iż-Żebbuġ, ix-Xewkija u l-Qala.

    Il-maġġoranza tal-purċissjonijiet isiru f'jum il-Ġimgħa l-Kbira għalkemm hemm oħrajn li jsiru f'jiem oħra.

    Minbarra nies tal-lokal il-purċissjonijiet jattiraw għadd kbir ta' turisti interessati f'din it-tradizzjoni li tmur lura snin twal.

    Waqt li l-purċissjonijiet jibdew wara nofsinhar, fl-għodwa ta' filgħodu jkunu bosta dawk li jagħmlu s-Seba' Viżti b'talb fil-knisja tal-lokal jew żjarat f'diversi knejjes.

    Il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa jintemm il-Ħadd hekk kif il-Knisja Kattolika tfakkar l-ikbar festa tagħha, l-Għid, b'bosta lokalitajiet f'pajjiżna joħorġu l-Irxoxt biex ifakkru din iċ-ċelebrazzjoni.

    Ritratti: Roger Azzopardi