“Qalbi bdiet tingħafas mal-aħħar nifs ta’ ibni”... omm ta’ tarbija tat-twelid

    F’dawn iż-żminijiet fejn il-Knisja Kattolika tiċċelebra jiem importanti, ta’ dieqa u ta’ riflessjoni, bħalma huma d-Duluri u l-Ġimgħa l-Kbira, għal xi wħud huwa żmien ta’ niket hekk kif jiftakru kif huma ukoll sfortunatament ġarrbu l-istess emozzjonijiet meta tilfu lil wieħed minn uliedhom.

    L-omm Rochelle Aquilina rrakkuntat ma’ dan is-sit l-esperjenza tagħha li tgħid li ġiet fuqha bħal sajjetta fil-bnazzi. Rochelle spjegat kif kellhom kollox lest biex twelled u marret għall-ultrasound. Dakinhar stess beda bħal qisu l-uġigħ tal-ħlas u kellha eċitament kbir għax kien l-ewwel wild tagħha. Peress li kienet dubjuża jekk kienx uġigħ tal-ħlas jew le, hija qalet lill-għarus tagħha biex imorru l-isptar imma hemmhekk qalulha li kienet għadha lura. Dan seħħ il-Ġimgħa imma l-Ħadd kmieni filgħodu l-ugigħ żdied u minkejja li l-isptar reġgħu qalulha li kienet għadha lura, hija ma ċedietx u ddeċidiet tibqa’ l-isptar.

    Rochelle rrakkuntat kif bdiet mis-6.00 a.m. u għamlet sal-22.20 p.m. biex weldet il-baby. “Kulħadd kien ħerqan jistenna barra. Min mar jixtri softoys jew bżieżaq bħalma jagħmel kulħadd meta jkun qed jilqa’ l-ewwel tarbija tiegħu. Kif eżatt ħareġ il-baby, la beka u lanqas iċċaqlaq. Kulma għamel għalaq għajnejh.”

    “La beka u lanqas iċċaqlaq, kulma għamel għalaq għajnejh”

    Bħala omm, Rochelle mill-ewwel indunat li kien hemm xi ħaġa ħażina speċjalment meta fuqha marru għaxar tobba u ħadu lit-tifel li kienet tagħtu l-isem ta’ Ben. “Dak kien diġà dispjaċir kbir kif eżatt wellidt li ma kellix ċans nerfgħu, inbusu u ngħannqu miegħi bħalma tagħmel kull omm li tkun ilha tistenna disa’ xhur sħaħ biex tiltaqa’ mat-tarbija tagħha.”

    Hija kompliet tispjega li dak il-ħin beda paniku kbir u ma setgħetx tifhem x’inhu jiġri. Wara li għaddew diversi sigħat fejn nadfuha, daħluha fejn il-baby li kien jinsab fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU). “Niftakar qisni qiegħda f’ħolma. Ma stajtx nifhem x’inhu jiġri u ngħid lili nnifsi, imma din veru jew le?”

    Il-baby kien kollhu pajpijiet u meta kelmuha t-tobba mill-ewwel taw x’wieħed jifhem li ma tantx kien hemm tama għal Ben. Minkejja kollox, kuljum kienu jmorru ħdejh biex joqgħodu jkantawlu, ikellmuh u jitolbu. Apparti minn hekk kienu joqgħodu jistennew li tiftaħ il-ward biex ikunu hemm mal-ewwel forsi jkun hemm xi żvilupp ġdid.

    Darba fost l-oħrajn, ċemplulha mill-isptar u qalulha biex imorru ħdejn il-baby għaliex kien qaleb għall-agħar. “Morna u għamilnilu l-magħmudija u l-griżma imma wara ftit jiem deher li ma kienx hemm aktar tama. Il-professur qalilna jew inħalluh jgħix biss fuq il-magni jew nitfulu l-magni u jmut bil-mod.”

    Għal Rochelle, din kienet ħasda kbira għax minkejja li kienet taf li l-affarijiet mhux qegħdin sewwa xorta waħda baqgħet tittama li jgħidulha li jkun qaleb għall-aħjar. “Waqfulu l-magni, tawulna f’idejna u beda jieħu l-aħħar nifsijiet fuqna. Dik kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajti u stħajjiltni qisni d-duluri. Kull l-aħħar nifs li beda jieħu ibni, qalbi bdiet tingħafas.”

    Dan kien mument iebes ħafna għall-familja ta’ Rochelle u tistqar li ma jgħaddix jum li ma taħsibx fih u titolbu biex iżomm idejh fuq il-familja kollha u fuq ħuħ Dale. Rochelle kienet tagħmel l-ewwel żmien dejjem tibki bis-santa tiegħu f’idejha, tbusu, tgħannqu u tħares lejn ir-ritratti li kienu ħadulu sakemm kien għadu magħhom.

    Minkejja kollox, Rochelle hija omm b’kuraġġ kbir u ma qatgħetx qalbha lejn il-ħajja. Hija tifhem li omm wara li titlef wieħed minn uliedha ma tista’ qatt terġa’ tiġi kif kienet, pero “il-ħajja ma tistax tieqaf. Trid tiġġildilha. Jien naf li hu qiegħed hemm mistrieħ, kuntent u qiegħed jieħu ħsiebna. Se nibqa’ nħobbu u nsemmih kuljum żgur.”